"Itturufnati f’darna"


Artiklu li deher fuq il-mument tat-3 ta' Lulju 2022



Bħala politiċi nemmen li nistgħu nbiddlu. Nistgħu nissieltu għall-prinċipju u fuq kollox għal dak is-sewwa magħruf. Dan fuq kollox huwa l-għan tagħna, u għalxiex ninsabu fil-politika. 

Fl-aħħar ġimgħat rajna żvilupp fil-Belt Kapitali li qiegħed ipoġġi ammont ta’ residenti f’sitwazzjoni xejn sabiħa, b’uħud filgħaxija lanqas jistgħu jsibu ħin ta’ mistrieħ, ta’ rqad, ta’ studju fis-silenzju tal-lejl. Sitwazzjoni ta’ dieqa, il-Beltin spiċċaw itturufnati f’Belthom stess, u dan kollu minħabba żewġ legal notices li għadda l-Gvern mingħajr konsultazzjoni ma ħadd biex ċertu stabbilimenti f’zoni msemmija jibqgħu miftuħa sas-1am, sal-mumenti bikrin ta’ filgħodu. 

Ftit tal-jiem oħra fis-6 ta’ Lulju se jittieħed vot fil-Parlament biex din il-liġi li daħħlet litterlament fis-satra tal-lejl titneħħa. Liġi li qed ibatu permezz tagħha r-residenti u anki l-komunità kummerċjali fil-Belt Valletta.

Ma’ dawk li tkellimt fl-aħħar jiem indikaw miegħi li din l-emenda legali qed tpoġġi f’riskju kbir li l-Belt Valletta li ssir destinazzjoni oħra ta’ nightclub, rajna filmati li jixhdu dan. Żġur mhux forsi li din m’għandhiex tkun fil-mira ta’ kull min għandu għal qalbu l-prinċipji ta’ għanijiet ta’ tkabbir tat-turiżmu sostenibbli. Rajt ukoll ritratti ta’ kif fis-sigħat kmieni ta’ filgħodu dawn iz-zoni qed ikunu mimlija skart, u sa anki f’waqtiet isir danni mal-monumenti tagħna . 

Għalhekk kien hemm anki entitajiet u assoċjazzjonijiet li fl-aħħar jiem appellaw biex il-Gvern jimpenja ruħu mal-membri tiegħu u b’mod komprensiv jirrevedi l-policies relatati mal-Belt Valletta bħala destinazzjoni turistika ta’ kwalità fil-kuntest usa’ tal-prodott turistiku ta’ Malta. Dan jinkludi pereżempju l-attività mużikali mat-toroq tal-Belt Valletta, it-tindif tat-toroq u ġbir ta’ skart, u inizjattivi konġunti ta’ kummerċjalizzazzjoni.


Il-frażi, “Ma nistgħu nagħmlu xejn”

Rajniha fil-Belt Valletta, ngħixha ta’ kuljum bħala Minority Leader fil-Floriana. Mhux l-ewwel darba li jkun hemm materja taħraq, li iżda ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali, li iżda jkolli tweġibiet li “ma nisgħu nagħmlu xejn”. 

It-twelid tal-Kunsilli Lokali kien biex nagħmlu, biex inwettqu, u jekk m’għandniex il-ġurisdizzjoni ta’ zoni fil-lokal, mela nużaw il-leħen biex jekk hemm il-ħażin, jitranġa u ma jibqax. Il-missjoni tagħna hija din, li nkunu anki l-pont biex jintlaħaq kompromess. Inħoss li jekk inkunu qed nonqsu milli nagħmlu dan, inkunu qed nonqsu lir-residenti li aħna nirrapreżentaw. 

Ma jistax ikun li jkollna stqarrijiet li ladarba l-avviż legali ħareġ, dan irid jiġi obdut u ma jista’ jsir xejn dwaru. Anzi jekk qed tara li l-avviż legali huwa farsa, u qiegħed hemm biex jaġevola lill-ftit, mela aktar u aktar għandna nagħmlu minn kollox biex nirrabatuh u nneħħuh. 

Rajna kif fl-aħħar snin il-Kunsilli ġew asorbiti mir-responsabiltajiet li qabel kienu jħaddnu. Dan kien l-għan tal-Gven li jneħħi l-musmar mit-tavla, għax il-Kunsilli fejn kien meħtieġ kellhom saħħa li jbiddlu u li jwettqu. Din is-saħħa iżda għalkemm dan il-Gvern ħadha, żgir ma jistax jieħu s-saħħa li tkun qed tirrapreżenta s-sewwa, lir-resident. 

Kwalità fis-servizz li noffru

Ħafna drabi bħala kwalità fis-servizz, f’rasna mill-ewwel tiġi x-xena ta’ meta wieħed jixtri xi ħaġa u jistenna servizz mill-aqwa. Kif għandu jkun. Madankollu hawn qed nikteb dwar kwalità fis-servizz li aħna bħala politiċi għandna nagħtu lir-residenti u lil dawk kollha li aħna nirrapreżentaw, il-komunità, servizz li m’għandux ikun korut jew mittiefes, għax jekk nagħmlu dan inkunu qed inħarsu l-interess ta’ terzi, jew tal-ftit u mhux l-interess komuni. 

Fil-Floriana fl-aħħar jiem rajna kif tħalla b’mod diżastruz Ġnien l-Argotti, wara ftit li tkellimt, il-ġnien beda jitnaddaf. L-istess ġara fil-kwistjoni tas-subway fi Triq Sant’Anna, tkellimt, tkellimna u ttieħdet azzjoni. Dawn huma biss ftit episodji riċenti, li juri li bis-saħħa tal-vuċi u r-rispett tal-poplu, wieħed jista’ jasal biex ibiddel u jtejjeb. 

L-istess jgħodd għas-sitwazzjoni preżenti fil-Belt Valletta. Ir-rieda tajba minn bosta tinsab hemm, issa jmiss li l-Gvern jirrealizza li naqas bi kbir fil-konfront tal-komunità Beltija u jagħżel li jinvesti biex jgħaddi liġijiet li minnhom tigwadanja l-komunità kollha u li l-ħsieb tar-riġenerazzjoni jkun wieħed tassew sostenibbli għal kull komunità Maltija. 





Comments

Popular Posts