Hija rebħa?



“Rispett”, “diċenża”, “attitudni xierqa”. Dawn huma ftit mill-kliem jew frażijiet li ġew f’moħħi fl-aħħar jiem b’reazzjoni għal numru ta’ episodji li għaddiet minnhom il-Floriana. Il-problema li qabel dawn il-kliem, se jkolli nżid nuqqas; “nuqqas ta’ rispett”, “nuqqas ta’ diċenza”, “nuqqas ta’ attitudni xierqa”.

L-episodji tal-ġimgħa

Din il-ġimgħa l-ħidma fil-lokal tal-Floriana kienet iddominata minn attività tal-massa oħra, waħda mill-ħafna li issa saret qisha prassi ta’ kull sena li l-Fosos tal-Floriana u l-madwar jilqgħu fi ħdanhom eluf ta’ nies għal attivitajiet u kunċerti diversi. Tajjeb li jkollna attivitajiet. Fl-akbar pjazza f’Malta tajjeb li jkollna attivitajiet li jlaqqgħu lin-nies. Fid-dizzjunarju tiegħu, Joseph Aquilina jagħti t-tifsira ta’ pjazza: “medda ta' art miftuħa użata bħala ġnien jew għar-rikreazzjoni”.

Il-problema li fil-pjazza u l-madwar mhux qed nibqgħu b’din id-defenizzjoni, għax ir-rikreazzjoni qed twassal biex ikun hemm inkonvenjenza. L-episodju li leħaq iċ-ċirassa fuq il-kejk, hekk kif ħafna raw anki fuq il-mezzi soċjali, ritratt ta’ numru ta’ mobile toilets quddiem il-knisja, bi ftit metri jifirdu dawn il-latrini minn mal-knisja Arċipretali. (ritratt)

Wara li dan kollu żvelajtu fuq il-midja soċjali. Wara għaqda sħiħa Furjaniża għal dan il-messaġġ, dawn tneħħew minn quddiem il-knisja, għajr 3 f’ġenb ftit ‘il fuq bl-isfond ikun iz-zuntier. L-oħrajn faċċata mal-Fosos u l-oħrajn mifruxa. Rebħa żgħira? Inqisha bħala avvanz. Ir-rebħa tkun meta l-Gvern iwieġeb għat-talba tiegħi, għat-talba tal-Furjaniżi biex il-Fosos ikollhom entità li tħares din il-pjazza nazzjonali.

Din l-attitudni ma tixraqx fl-ebda qalba tal-lokal. Il-Floriana ma tistax tibqa' tkun użata b'dan il-mod. Bla rispett, bla diċenza. Attitudni bħal din ma tixraq imkien.

X’ħarsien jeħtieġ?

6 snin ilu, permezz ta' mozzjoni li preżentajt fil-Kunsill Lokali tal-Floriana tlabt biex bħala Furjaniżi nħarsu l-pjazez tagħna, fosthom il-Fosos. Is-sitwazzjoni hija allarmanti. Wara kważi kull attività tal-massa, l-akbar pjazza f'Malta tibqa' taffaċċja tkissir u ħsarat kbar, bid-detriment fuq dan il-wirt storiku jibqa' jikber u jikber. 

Mil-laqgħat li saru, li ma kinux xi ħafna, f'sitt snin għadna ma wasalna mkien, bir-responsabbiltà tal-Fosos ma hi ta' ħadd. 

Il-Fosos jeħtieġ li jkun protett. Fit-8 snin li ili fil-Kunsill Lokali tal-Floriana, qatt ma rajt risk assesment wieħed qabel attività li ssir fuq il-Fosos. Fl-aħħar laqgħa qajjimt dan il-punt mill-ġdid, u tennejt u saqsejt jekk dak li qed jitolbu l-pulizija huwiex biżejjed għall-ħarsien. Il-ħsarat qed isiru kontinwament, u faċli tasal għall-konklużjoni li l-periklu qed jiżdied mhux jonqos. (Ritratt)

L-għan tal-mozzjoni ta' sitt snin ilu kien biex il-Fosos ikun protett. Allura jew il-Gvern jasal jagħti l-fondi meħtieġa biex l-Kunsill ikun jista' jħares sewwa din il-pjazza, jew jagħti r-responsabbiltà lil entità biex taqdi din il-funzjoni. 

Illum qed naraw forti, mużewijiet u għadd ta' binjiet storiċi li għandhom ġurisdizzjoni ta' entità, il-Fosos x'għandu anqas?

L-appell se jibqa' mtenni u sostnut, minni u minn bosta Furjaniżi, il-wirt storiku Furjaniż u dak nazzjonali fil-Floriana jrid jingħata attenzjoni. Qed nibqgħu naraw attitudni ta' passività kbira mill-Gvern fil-konfront tal-lokal tagħna. Dan jeħtieġ jinbidel, dan għandu jinbidel. Se nibqa' naħdem biex il-Floriana tieħu l-ħajja, ikollha l-għodda xierqa biex tieħu ħsieb tagħha nnifsiha u tingħata l-attenzjoni kollha li tixraq. 

 

Sajf ta’ inkonvenjenza

Din hi r-realtà. Ma kull attività, jibdew jittieħdu l-parkeġġi. F’waqtiet il-Furjaniżi nkunu notifikati b’sempliċi karta li nsibu mal-ħajt.

Problema għal aċċess.

It-toroq magħluqa, u mhux l-ewwel darba li l-Furjaniż ikollu jilletika ma’ uffiċjal biex jidħol f’daru.

Ġonna magħluqa bil-barriers. Ġnien il-Mall b’mod partikolari fl-aħħar jiem għamel 3 iljieli magħluq, maqsum min-nofs bil-barrikati. (Ritratt)

Problema ta’ skart. Problema ta’ iġenè. Problema ta’ storbju, mhux biss fis-serata, imma anki fit-taħriġ jew waqt it-‘testing tas-sound’.

Dawn huma ftit mill-ħafna inkonvenjenza li ma’ kull attività aħna qed insofru.

Il-ġejjieni

Fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Mejju rrimarkajt li għandna staġun ieħor ippakkjat bl-attivitajiet kontinwi fuq il-Fosos u l-madwar. Biss biss fuq il-Fosos f'temp ta' 4 xhur se nkunu rajna 8 attivitajiet. Proponejt biex il-Kunsill jibda jitlob lill-entitajiet li qed jorganizzaw dawn l-attivitajiet sabiex jibdew jagħtu forma ta' kumpens li wara jkun investit fil-lokal u r-resident.

Il-Floriana ma tistax tibqa' tilqa' dan kollu mingħajr ma tieħu xejn lura, jew biex inkunu korretti fuq il-karta, tieħu ftit li xejn. Kif ili nsostni minn mindu ġejt elett fl-2015, jeħtieġ bilanċ, jeħtieġ investiment xieraq fil-qalb, fl-identità. Jekk l-awtoritajiet jaħsbu li għax tagħmel kunċert qed tqajjem lokal, mela żbaljati u tridu tiltaqgħu mal-Furjaniżi biex tifhmu xi ħtiġijiet jeħtieġ. Il-Floriana għandha ħtiġijiet aktar serji. Kif ili nsostni, flimkien ma’ oħrajn, il-Floriana tinsab fuq il-magni.

Fil-passat tkellimt fuq inċentivi li jixraq li jkollhom il-Furjaniżi. Pjan xieraq ta’ riġenerazzjoni. Pjan biex naraw aktar familji. Biex il-Floriana tieħu l-ħajja fil-komunità li tagħmilha. Dan il-pjan jissokta u aktar ‘il quddiem bħal ma tajna l-pjan tagħna, se nkunu qed nagħtu l-pjan tagħna biex il-Floriana jkollha kemm preżent u anki ġejjieni.

James Aaron Ellul

Minority Leader - Floriana

Comments

Popular Posts