Intejbu l-ambjent tal-1 Distrett






Fl-aħħar jiem aħna r-residenti ta' madwar il-Port il-Kbir, b’mod partikolari tal-1 Distrett rajna kif sa fl-aħħar l-oil rigs li kien hemm fil-port se jitneħħew. Inkun onest aħna taċ-ċentru ilna s-snin inbatu konsegwenzi tat-tniġġis fl-arja u wara kollox ħsara fl-estetika. Dan apparti li t-tniġġis fl-arja jġib miegħu wkoll mard kronoku ieħor, fosthom l-ażma.

Illum jien kandidat distrettwali, iżda ma nistax ma nħarisx lejn dak li għamilt bħala Kunsillier fil-Floriana fosthom fejn għamilt anki pressjoni flimkien ma’ bosta, biex sa fl-aħħar il-vapuri u l-bastimenti  li jidħlu fil-Port il-Kbir ma jibqgħux jarmu ċertu emissjonijiet, dan sa issa għadu ma sarx, għadni nara u nirċievi ritratti tat-tniġġis. Għal grazzja t’Alla issa qed jidher li dan għandu jsir fil-futur qarib. Iż-żmien tana raġun. Jekk dan isir, ir-residenti tal-Belt Valletta, il-Floriana, il-Ħamrun u l-Marsa se nkunu żgur qed nieħdu ftit aktar tar-ruħ.

Nieħu gost nara li qed tingħata importanza għall-kwalità ta' ħajja tar-residenti li jgħixu fl-ambjent urban fiċ-ċentru ta' Malta. Ir-rig taż-żejt iżda kienet biss temporanj, it-tħassib ta’ ħafna huwa li l-mod kif qed isir l-ippjanar u l-iżvilupp f'din iż-żona ta' Malta mhux biss se jeqred l-veduta u l-estetika impekkabbli tal-inħawi tal-Port, iżda wkoll l-ambjent li aħna qed ngħixu fih, li ta’ kuljum qed inħabbtu wiċċna miegħu.

Dan l-aħħar kont qed naqra fuq kif  il-Gvern qed jaħdem favur riforma fl-iżvilupp tal-bini fejn se jekk din tgħaddi se jneħħi r-restrizzjonijiet tal-għoli tal-bini f'ċerti inħawi fid-distrett tagħna. U jekk dan jiġri, in-nies tal-ewwel distrett x’se jagħmlu? Il-problemi li aktar żvilupp iġib miegħu qed inħarsu lejh? Problemi kbar ta’ parkeġġ pereżempju fil-Belt, Santa Venera, Tal-Pietà u G’Manġa. Problemi ta’ infrastrutura, kemm qed nisimgħu problemi tal-ilma u tad-drenaġġ, bir-raġun, jekk minn triq li qabel kellha 20 residenza, issa llum qed tilqa’ fi ħdanha 50 residenza. Jekk ma jkunx hemm titjib fl-infrastrutura ma jistax jibqgħu jinħarġu permessi kif ġieb u leħaq għal aktar żvilupp, għal aktar sulari. Jekk mhux nibdew nimxi gradwalment, se nibqgħu inbatu l-konsegwenzi. 

Il-ħsieb ovvjament jibqa’ għaddej u għalkemm huwa tajjeb wkoll li meta nitkellmu dwar ħarsien tal-estetika u tal-ambjent tagħna ma nħarsux biss lejn zoni li ejja ngħidu huma rinomati għal xeni sbieħ, iżda nħarsu lejn zoni oħra li grazzi għas-siġar, grazzi għall-ambjent uniku u sostenibbli tagħhom jistgħu jibqgħu sbieħ ukoll. Hawnhekk mill-ġdid nerġgħu nħarsu lejn din ir-riforma li semmejt ftit ‘il fuq.

Il-politika ma tistax tkun li qed itik min-naħa, u b'mod sottili (f'waqtiet le ukoll), teħodlok xi ħaġa min-naħa l-oħra. Jekk dan isir qed jitlef biss il-poplu Malti u Għawdxi. Dawn l-oil rigs kienu xi ħaġa temporanja, għall-qerda tas-siġar se ndumu s-snin insoffru, se ndumu snin biex nerġgħu narawhom jikbru. Għal żvilupp bla rażan u bla bilanċ se nibqgħu nsofru għal dejjem.

Ambjent sagħan

Dan l-aħħar fid-Distrett qed jissemmew għadd ta’ ideat dwra kif nistgħu ntejbu l-ambjent tagħna. Fl-aħħar snin qed reġgħet qamet l-idea li Triq Sant’Anna ssir ġnien. Idea li naħseb kienet l-ewwel preżentata fl-1998.  Tajjeb li ngħid li fil-manifest tal-Partit Nazzjonalista għall-aħħar elezzjoni tal-Kunsill fil-Floriana, wara tfassil li sar minni u mill-Kunsilliera sħabi, il-Partit indika b’mod ċar li jeħtieġ li Triq Sant’Anna tingħata l-attenzjoni li ilha s-snin ma jkollha. Nibqa’ nħeġġeġ, li għal proġetti bħal dawn issir konsultazzjoni, ma dawk kollha konċernati.

Fil-ħidma tiegħu bħala Kunsillier ħdimt biex il-Park & Ride li hemm għal Belt u llum għall-Floriana żżid il-waqfien tagħha, f’postijiet fejn il-ħaddiema jistgħu jagġmlu aktar użu. Illum is-servizz tal-Park & Ride qisu ntesa’. Jien ngħid li jeħtieġ li jsir tisħiħ fis-servizz tal-Park & Ride biex il-problema ta’ parkeġġ fil-Belt u l-Floriana u l-madwar tittaffa. Dan apparti li nkunu qed inħarsu l-ambjent tagħna b’anqas tniġġis fiċ-ċentru, fil-post fejn aħna ngħixu. 

Din hija xi ħaġa kompletament ejja ngħidu idea tal-PN, il-ħarsien tal-Masġar tal-Ġublew. Wara mozzjoni li ressaqt fil-Kunsill, u kien hemm qbil unanimu biex dan il-masġar ikun imħares bix-xieraq u jagħti nifs ġdid lil dan l-ewwel distrett, masġar f’nofs il-bini urban. Il-mozzjoni u l-ideat tagħna tajnihom lill-Gvern, sa issa kollox baqa’ fuq l-ixkafa.

Minn mindu kont iżgħar u kont nisma’ li t-triq li kważi noqgħodu fuqha se tiġi msaqqfa, kont ngħid kemm ikun tajjeb kieku jiġri hekk. Qed nitkellem għal Triq Reġjonali f’Santa Venera, l-idea li tkun imsaqqfa, u ssir ġnien. Żgur li dan il-proġett se jeleva u jsolvi ħafna problemi tal-madwar.  

Illum f’dan l-artiklu iffukajt fuq l-ambjent, u bħala Kandidat fuq l-1 Distrett iffukajt b’mod partikolari fuq l-ambjent ta’ dan id-distrett. Il-ħidma tiegħi se tibqa’ tħares lejn kif nistgħu ntejbu l-ambjent taċ-ċentru ta’ Malta. Żgur iżda li l-PN, bħal ma’ diġà ħareġ għadd ta’ proposti dwar l-ambjent, se jibqa’ jfassal u jippreżenta għadd ta’ proposti li jħarsuna lkoll.

Il-PN, aħna, irridu nwieġbu lill-karba tal-poplu. Jeħtieġ li niltaqgħu man-nies, nisimgħu, nitgħallmu u mis-smiegħ u infasslu proposti konkreti għal futur.

Irridu nżommu f’rasna l-għeruq tal-politika Maltija, dak li jagħmilna lkoll, irridu li n-nies iħossu s-sentiment li l-politika tagħna hija tagħhom, u mhux għalihom. B’hekk biss il-politika Nazzjonalista tkun tassew qed titwettaq, tkun tassew qed isservi u taqdi.

Ikun ta’ pjaċir jekk xi ħadd ikun jixtieq li jkellimni ma jiddejjaq xejn jikkuntajani fuq jamesaaronellul@gmail,com. Dejjem sabiħ meta naqsmu il-ħsibijiet tagħna flimkien.

James Aaron Ellul

Kandidat f’isem il-PN fuq l-1 Distrett

Artiklu li deher fuq in-Nazzjon nhar il-Ħamis 25 ta' Marzu 2021


 

Comments

Popular Posts