Dejjiem

 

Artiklu li deher fuq in-Nazzjon fis-7 ta' Frar 2024

Huma bosta li meta jħarsu lejn Eddie, jiddeskrivu x-xbieha tiegħu bħala mexxej, statista, missier Malta Ewropea. Meta quddiemi tiġi xi ħaġa b’rabta ma’ Eddie, jiġu wkoll dawn l-aġġettivi, iżda magħhom inżid – Oratur. Mingħajr il-kelma tal-fomm, mingħajr l-orazzjoni, mingħajr id-diskors żgur li Eddie li llum naraw, Eddie li niftakru, ikun xejra differenti. Eddie huwa dejjiem f’kull forma ta’ kontribut li ta.

Il-ħakma ta’ Eddie fuq id-diskors, fuq il-kelma hija ħakma ta’ konvinzjoni. Eddie kien konvint li jinsab fis-sewwa u li għas-sewwa kien se jibqa’ jiġġieled sal-aħħar. Dan hu dak li jagħmel oratur brillanti. Għalxejn kien jikteb id-diskors, il-punti li kien ikollu quddiemu, jekk ma jkunx hemm konvinzjoni, twemmin li dak li qiegħed iwassal huwa messaġġ veritier.

Il-privileġġ li tistudja l-kelma ta’ Eddie Fenech Adami huwa kbir. Li jkollok pubblikazzjoni b’rabta mar-riċerka li wettaqt huwa unur.

Il-ħila ta’ Eddie bħala oratur

Fil-kitba tiegħi ħarist li nwassal it-termini letterarji użati fil-kelma ta’ Eddie Fenech Adami f’numru ta’ diskorsi li wettaq fis-snin tmemin, u ieħor fl-2003. Is-sejħa lill-poplu ta’ kull nhar ta’ Ħadd ma kinitx missjoni faċli. Li żżomm l-udjenza, il-poplu li hemm quddiemek issegwi b’reqqa għal kważi siegħa u aktar kull nhar ta’ Ħadd turi kemm l-oratur kellu ħila.

L-analiżi li għamilt fil-ktieb huma ‘l bogħod minn studji oħra politiċi li jħarsu biss lejn il-lenti politika tal-ġrajjiet, madnakollu dak li ġara, l-atmosfera politika ta’ dak iż-żmien kienet tkun riflessa fil-mod kif isiru d-diskorsi.

L-element rettoriku kien strumentali kif wieħed jagħmel diskors effettiv. Ir-ripetizzjoni u l-enfasi fuq il-kelma jgħinu mhux ftit fit-twassil tal-messaġġ. Ir-rettorika hija damma tal-prinċipji li bihom jinkisbu l-enfasi u l-eleganza tat-taħdit. Eddie għaraf il-qawwa tal-kelma, li permezz tagħha, apparti li tagħmel dan permezz tal-għemil, tista’ tipperswadi, tikkonvinċi u ssaħħaħ il-kunċett.

Il-lingwaġġ figurattiv jgħin biex il-poplu jorbot aktar lilu nnifsu mal-messaġġ li jkun qed jitwassal. Il-poplu jsir aktar konxju, ikun parti. Dan il-lingwaġġ għandu l-potenzjal li jibni l-pont bejn is-sentimenti tal-pubbliku preżenti. Permezz ta’ dan il-lingwaġġ il-ħsieb tal-individwu jaħbat ma’ binari ġodda u li permezz tagħhom isir konxju ta’ dak li qed jiġri madwaru.

Fid-diskorsi smajna il-qofol tematiku. Il-kunċett universali tal-argumenti. Argumenti mhux bejn wieħed u ieħor, iżda argumenti tal-ħsieb, tal-politika, il-motif. Ċirkostanzi li lkoll jagħtu x-xejriet lit-tema fid-diskors.

Il-kemm. Il-konkordanza. Kemm il-darba il-kelma ntqalet, ġiet ripetuta. Dan ukoll ħarist lejh fir-riċerka li wettaq. Il-kemm il-darba Eddie lissen il-kelma. Għaliex qal dik il-kelma? Għaliex għamel dik l-enfasi?

Qaddej tal-poplu

It-twemmin ta’ Eddie lejn il-kisba tal-libertà, lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, lejn dak li hu sewwa huwa rifless ukoll fit-twemmin nisrani tal-Oratur. Eddie fl-orazzjoni, fil-kelma li uża kien ifittex mhux ftit l-element nisrani, ir-referenza lejn it-twemmin. Dan kollu kompla jsaħħaħ lil Eddie, kemm lilu personalment, imma wkoll bħala l-mexxej, li hu imma qaddej tal-poplu.

Ħafna huma dawk li jiftakru f’Eddie u fil-kelma inservi. Dan l-element, dan il-kunċett huwa evidenti bil-wisq. Il-qaddej anki lejn id-diskors, lejn it-termini, lejn il-kelma użata bl-aqwa mod biex jitwassal il-messaġġ. Il-fedeltà u d-dixxiplina fl-individwu jagħtu dimenzjoni, xejra oħra lill-qawwa tal-kelma. Id-divin li tant fittex, għax hu nisrani, jinsab ukoll mirqum fil-mod kemm fittex id-divinità fil-kelma Maltija użata. Il-kelma Maltija biex jitkellem mal-Malti, mal-poplu, ma’ niesu.

L-ispirazzjoni fir-riċerka u l-istudju li wettaqt huwa dan kollu. Eddie, l-oratur, li fil-kobor tiegħu wera kemm tant kien umli. Umli lejn is-sewwa, lejn id-divinità, lejn il-ħallieq, lejn il-poplu, lejn Malta tagħna, lejn ilsienna.

Għalhekk dejjiem. Eddie jibqa’ dejjiem għax hu kien mal-poplu. La darba jibqa’ l-poplu, jibqa’ dan in-nazzjon, la darba jibqa’ dan in-nazzjon, jibqa’ lsienna, jibqa’ l-għatx għall-għarfien, tibqa’ l-kisba, tibqa’ l-ħila. Tibqa’ kelmtu. Jibqa’ Eddie. Dejjiem.

James Aaron Ellul

Awtur tal-Ktieb Il-kelma ta’ Eddie Fenech Adami




Comments

Popular Posts