Onestà u responsabbiltà



Il-poplu Malti qed iffitex l-onestà u r-responsabbiltà fil-politiċi tal-lum. Fil-kuntatt li qed ikolli ma’ nies mill-1 Distrett, huma ħafna li huma mħassba bis-sitwazzjoni kurrenti ta’ pajjiżna. Imħassba għax dan l-imrar li qed joħroġ ta’ kuljum se jaffetwana lkoll, kemm fil-fiduċja tagħna lejn il-politika tal-Gvern u l-fiduċja wara kollox tal-barranin lejn pajjiżna.

Għalkemm kont għadni fil-bidu taż-żgħożija kont insegwi mhux ħażin, u niftakar sewwa sew l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Inkun onest kienet waħda fejn kont segwejt mill-qrib, kont student il-Junior College, u ġieli flimkien ma' sħabi konna naqdu vann biex anki mmorru l-mass meetings tal-Partit Nazzjonalista. Dak iż-żmien lanqas kienet tgħaddili minn rasi li sena wara kont se nkun elett bħala President ta’ Kumitat Sezzjonali tal-PN u sentejn wara kont se nibda naħdem bħala ġurnalist ma’ Net Television.

L-għada tal- meeting iżda ma kont niddejjaq xejn nara wara kollox il-messaġġi li kien jgħaddi l-Partit Laburista. Il-kampanja tal-PL kienet waħda sublima u mżewqa, id-diskors li kien jingħad kien wieħed li jħajrek tkompli tisma', u għalkemm kelli biss 17-il sena kont nieħu interess kbir. Kont nisma' id-diskors tal-“Aqwa żmien”, “Malta tagħna lkoll”, “Malta se ssir l-għira tad-dinja”, “il-moviment”, “I’m In”. Min kien imexxi l-kampanja tal-Lejbor f’dak il-mument, ninżalu l-kappell, għax wara kollox irnexxielu u kif jrebbaħ l-elezzjoni lill-Partit tal-ħaddiema.

Illum iżda nistaqsi, x’konsegwenzi hemm għas-suċċess li kiseb il-Moviment Laburista? Iż-żmien qed joħroġ imrar li s-suċċess inkiseb mhux fuq l-elementi li tassew jagħmlu l-Partit Laburista bħala wieħed soċjalist, anzi rajna Partit li mar kontra dawn l-istess elementi li jsawru l-qalb soċjalista.

Naraha ironija li taħt 8 snin taħt Gvern Soċjalista, għadna bla ebda bini ġdid ta’ housing soċjali. Dan biss huwa eżempju ċkejken ta’ kif għalkemm il-Partit fil-Gvern wettaq affarjiet siewja, naqas iżda milli jindirizza b’serjetà numru ta’ fatturi ewlenin li wara kollox huma l-isfidi u d-diffikultajiet li qed jiffaċja l-poplu kollu.

L-aħħar avvenimenti li bdew mis-Sibt tal-ġimgħa li għaddiet huma passi sinifikanti sabiex bħala poplu nirrikonoxxu li pajjiżna ġie maħkum minn persuni li ħadu vantaġġ mill-irwol politku li kienu jħaddnu, u minflok investew fil-poplu Malti, investew biss f’buthom.

Ħafna qed isostnu li dak li ġara fl-aħħar 6 xhur issa kompla kabbar il-gravità tas-sitwazzjoni, għax issa m’ għadx għandna sempliċiment “rappurtaġġ il-gazzetti” iżda kellna l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li effettivament hija inkjesta fuq l-istat, fuq kemm l-istituzzjonijiet ħadmu tajjeb.

Li jkollok partit li hu mifni bi skandli kbar huwa inkwetanti u ta’ tħassib. F’partit politiku wieħed ifittex l-integrità, u meta Partit li qiegħed fil-Gvern qed jagħti messaġġi kompletament l-oppost se jkun qed iwassal biex ħafna jitilfu l-fiduċja fil-politika Maltija. Il-politika llum aktar minn qatt qabel hija kruċjali biex wara kollox permezz tagħha twettaq is-sewwa, il-ġid, u li tagħti dak kollu possibbli biex isservi lis-soċjetà. Il-poplu Malti għajja jissielet għal politika tassew ġenwina, li tħares mhux biss lil dawk stabbiliti, iżda lil dawk batuti. Politika li toħloq bilanċ biex wara kollox inħarsu l-kultura tagħna, kif ukoll l-ambjent u l-pajsaġġ Malti.  

Ilna tal-inqas 5 snin, minn mindu isem Malta qed jkun fl-aħbarijiet ħafna mid-drabi għar-raġunijiet żbaljati. Anki jekk ma jkunux vera, aħseb u ara jekk kemm-il darba jkunu kredibbli. Dan kollu jirrifletti ħażin fuq ir-reputazzjoni u fuq kemm huwa attraenti għall-barranin li jagħmlu negozju f’pajjiżna.

It-triq ‘il quddiem

Il-politika tal-PN għandha tkun li sserraħ lill-poplu li dawn l-affarjiet li esperjenzajna u għadna qed nesperjenzaw jieqfu jsiru. Il-poplu Malti għajja b’politika li minflok tagħti, tieħu. Din il-politika mhux waħda ġusta.

Il-politika li qed naħdem fuqha bħala Kandidat fuq l-1 Distrett hi li niltaqa’ man-nies, nisma’ u nfassal anki l-proposti. L-ideat ta’ kulħadd huma essenzjali biex wara kollox nirrapreżentaw lill-poplu tagħna bl-aqwa mod possibbli. L-aħħar proposta li preżentajt hija dwar kif nistgħu ngħinu 'l-għaqdiet tagħna. Jeħtieġ li tinħoloq distinzjoni bejn l-NGOs, hemm NGOs li l-irwol tagħhom jirrikjedi l-eluf kbar ta’ flus biex jiffunzjonaw, filwaqt li oħrajn jirrikjedu ftit eluf.

Ħbieb, il-politika ta’ fejda u dik ġusta tinsab fil-PN, iżda huwa wkoll dan il-Partit li jeħtieġ jibqa’ joħroġ idu biex wara kollox jifhem bl-aqwa mod lin-nies, u mhux biss, iżda jfassal ukoll politika dejjem aħjar.

James Aaron Ellul

Kandidat f’isem il-PN fuq l-1 Distrett

 

Artiklu li deher fuq in-Nazzjon fl-1 ta' April 2021. 

Comments

Popular Posts