Inħarsu l-għaqdiet tagħna – il-benniena kulturali



Fil-miġja tiegħi fil-politika fl-1 Distrett qed niltaqa’ ma’ ħafna niċeċ tas-soċjetà, uħud kont konxju tagħhom filwaqt li oħrajn qed insir nafhom u qed nitgħallem fuqhom mingħand in-nies. Dan huwa fir-realtà s-sabiħ ta’ dan il-vjaġġ, il-kuntatt li n-nies lesti jgħidulek l-isfidi tagħhom. F’waqtiet lesti anki jiftħu qalbhom dwar diffikultajiet li kellhom, u diffikultajiet oħra li qatt ma ssolvew.

Naħdmu flimkien biex insaħħu l-identità tagħna 

Is-sitwazzjoni preżenti m’hi feliċi għal ħadd, ir-riperkussjonijiet qed insoffruhom issa u kif anki indikajt f’artikli oħra fuq din il-gazzetta, se nibqgħu nbatu r-riperkussjonijiet ‘il quddiem u fil-futur qarib. Fil-ħidma politika tiegħi fl-1 Distrett u lil hinn, fl-aħħar xhur, iltqajt ma’ diversi entitajiet non-governattivi fejn fost ħafna temi li ddiskutejna bosta ġibduli l-attenzjoni dwar il-liġi li tirrigwardja l-NGOs. Il-maġġoranza tal-persuni li tkellmu miegħi qaluli li jaqblu ma’ din il-liġi li wara kollox se tnaqqas l-abbużi, madanakollu ma’ tistax tpoġġi fergħa tal-armar tal-festa, tal-banda jew tan-nar ma’ entitajiet li huma ferm akbar u jaqdu funzjoni differenti iżda huma wkoll NGOs. Dwar dan ma’ uħud tkellimt fid-dettall, ħafna qasmu miegħi t-tħassib tagħhom li biex huma jimxu mal-liġi qed jagħtu ħafna aktar ħin, u huwa għalhekk li ħafna mhux jinvolvu ruħhom f’għaqdiet volontarji. Dan il-punt jaf forsi ma jinħassx illum, iżda żgur li għada u pitgħada dan il-punt se jkun kruċjali għal futur ta’ dawn l-għaqdiet li jsawru l-kultura tagħna.

Għalhekk biex intaffu ftit minn dan il-piż, u wara li kkonsultajt ma’ bosta qed nikteb żewġ proposti ta’kif wieħed jista’ jgħin lil dawn l-għaqdiet:

1.     Ikun maħluq il-paragun bejn l-NGOs, hemm NGOs li l-irwol tagħhom jirrikjedi l-eluf kbar ta’ flus biex jiffunzjonaw, filwaqt li oħrajn jirrikjedu ftit eluf. Ma nistgħux nistennew l-istess proċeduri għal NGOs li jimpjegaw in-nies u oħrajn li jaħdmu biss fuq il-volontorjat tal-individwi. Jeħtieġ li jkun hemm distinzjoni ċara f’dan l-ambitu.

2.     Jeħtieġ li nibdew inħejju lilna nfusna li la issa, kif hu tajjeb li qed jiġri, l-NGOs  għandhom aktar linji gwida u qed jimxu mal-liġi issa rridu nagħtu għajnuna ferm aktar xierqa lill-entitajiet tagħna. Dan biex wara kollox l-entitajiet tagħna jagħmlu użu mill-benefiċċji ta’ skemi preżenti u jinħolqu skemi aħjar. Jeħtieġ li wara kollox ikun hemm smiegħ ta’ dak li l-aktar jirrikjedu dawn l-għaqdiet, u ngħinu kemm nifilħu biex jibqgħu jiffunzjonaw.

     Nemmen bis-sħiħ li dawn il-proposti se jgħinu mhux ftit fil-funzjoni tal-NGOs tagħna li wara kollox qed jagħtu ħafna lill-kultura Maltija. Huwa għalhekk li jien se nibqa' naħdem fuq dawn l-ideat u infatti preżentajthom lill-Partit Nazzjonalista, biex wara kollox ikunu inklużi fil-manifest elettorali. Programm elettorali li nemmen bis-sħiħ li għandu jirrapreżenta kull faxxa, kull niċċa tas-soċjetà Maltija.

Qabel ngħalaq din is-sezzjoni tal-artiklu nixtieq nirringrazzja lil ħafna voluntiera, artisti, li jaħdmu għall-festi tagħna. L-impenn tagħhom mhux biss ikun qed isaħħaħ il-festa rispettiva, iżda jkun qed isaħħaħ il-kultura tagħna. Fl-aħħar ġimgħat kelli x-xorti li sirt naf lil aktar nies li jaħdmu bla heda għal dan, għandna lkoll inkunu grati tas-sagrifiċċji li tagħmlu.

Inħarsu ‘l quddiem

Il-Partit Nazzjonalista tul l-aħħar xhur offra kemm il-darba l-id tal-ħbiberija biex bħala nazzjon flimkien negħlbu l-impatt tal-imxija. Ħidma li bdiet mill-eks Kap tal-PN Adrian Delia, u ssoktat mill-Kap tal-PN Bernard Grech. Sfortunatament iżda l-Gvern Laburista qed jgħaddas rasu fir-ramel, u jagħmel biss dak li jiftilu. L-effetti ta’ dan huwa evidenti.

Issa rridu nxammru aktar u aktar il-kmiem. Kif jgħid il-Malti rridu naħtfu l-barri minn qrunu u nħarsu lejn orizzonti ġodda biex negħlbu l-isfidi li din il-pandemija ġabet magħha. Irridu nħarsu lejn it-tessut soċjali, u nifmhu tassew l-isfidi li qed isibu bosta li qabel kienu viċin il-faqar, iżda llum qed ikunu meqjusa bħala persuni li jinsabu fil-faqar. Mill-ġdid ninsisti biex ikunu offruti aktar opportunitajiet ta’ edukazzjoni lil dawk li bħalissa jinsabu bla xogħol, dan biex mhux biss ikunu qed jirċievu l-ħlas talli mhux jaħdmu iżda nkunu qed nagħtu opportunità li jsaħħu u jkomplu jibnu fuq dak li jafu.

Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel politika li qed tħares lejn dan. Qatt mhu biżżejjed, iżda mexjin lejn direzzjoni li verament qed inħejju lilna nfusna bħala Partit li jista’ ikun fil-Gvern. Dan nistgħu nagħmluh biss iżda jekk nerqsu aktar viċin in-nies, u noffru politika fejn il-poplu Malti u Għawdxi jagħraf li din il-politika hija tagħhom, magħmula minnhom, imsawra b’kull element li lest iħares lis-soċjetà tagħna. 

Ikun ta’ pjaċir jekk xi ħadd ikun jixtieq li jkellimni ma jiddejjaq xejn jikkuntajani fuq jamesaaronellul@gmail,com. Dejjem sabiħ meta naqsmu il-ħsibijiet tagħna flimkien.

James Aaron Ellul

Kandidat fuq l-1 Distrett


Artiklu li kien ippubblikat fuq il-mument fil-21 ta' Marzu 2021

Comments

Popular Posts