B’kawtela, flimkien

  


L-imxija Covid-19 bidlet ħajjet kull individwu, mhux biss f’pajjiżna biss iżda wkoll mad-dinja kollha. In-norma tal-jum ma baqgħetx, iżda saret xi ħaġa tal-passat. Ħafna, inkluż jien, għandna x-xewqa li mill-ġdid din in-norma terġa’ tirritorna f’qasir żmien, madanakollu nafu li biex dan iseħħ hemm il-ħtieġa li nagħmlu sagrifiċċju.

Tmexxija serja

Illum qed nibqgħu nbatu l-konsegwenzi tal-messaġġi konfliġenti li kellna fl-aħħar ġimgħat. In-numri għolja li rajna fl-aħħar ġimgħat huma inkwetanti ħafna.

Evidenti li ekonomija b'saħħitha, jeħtieġ li jkollha poplu b'saħħtu u bla tħassib li jista' jimrad. Is-saħħa kellha tkun l-ewwel, is-saħħa u l-ħarsien tal-poplu għandhom jkunu l-ewwel, biex fl-eventwalità ngawdu lkoll flimkien.

In-numri għolja jeħtieġ li aħna nħarsu lejhom bħala messaġġ ta' kawtela. Rajna ras iebsa fit-tmexxija. Irridu nirrealizzaw li l-problema ħakmitna iżda nistgħu negħlbuha jekk nagħmlu moħħna hemm. Ma nifilħux għal aktar messaġġi konfliġenti minn Robert Abela u minn oħrajn. Irridu s-serjetà fit-tmexxija.

Bħala poplu Malti għamilna ħafna sagrifiċċji. Tal-ħwienet u n-negozji u kif, ħaddiema fit-turiżmu, il-ħaddiema tas-saħħa u l-frontliners ilhom sena jissieltu għalina. Il-Gvern lanqas biss tahom żieda ta’ rikonxximent tal-isforzi li għamlu l-ħaddiema tas-saħħa, b’uħud jgħixu ‘l bogħod mill-familja, talli l-PM għażel li juża rettorika li ħawdet l-imħuħ u tefgħat aktar piż fuq is-settur. 

F'pajjiż ta' nofs miljun ruħ l-għoti tal-vaċċin nemmen li għandu jkun mgħaġġel aktar. Kieku t-tobba tal-familja jingħataw aċċess biex jagħtu l-vaċċin u l-istess fil-bereġ, filwaqt li jinħolqu ċentri, inkluz ċentri immobbli fil-lokalitajiet, biex il-vaċċin jingħata b'mod aktar mgħaġġel ma naħsbux li nħaffu l-proċess tat-tilqim?

L-ubbidjenza

Issa aktar minn qatt qabel irridu nobdu l-istruzzjonijiet u l-pariri li jtuna l-Awtoritajiet tas-Saħħa. Ħafna forsi s-sena li għaddiet ħarġu jċapċpu fil-gallariji u twieqi għall-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-settur tas-saħħa, u dawk kollha li fl-aħħar sena taw u qed jagħtu servizz eċċelenti lejn il-komunità, il-ħaddiema tal-ordni, sħabi l-ġurnalisti, il-ħaddiema tal-indafa pubblika, il-ħaddiema li jaħdmu fil-ħwienet tal-merċa u s-supermarkets, il-ħaddiema fil-banek u ħafna oħrajniżda x’piż għandha ċ-ċapċipa li lkoll ċapaċapna jekk ma nobdux u ma nimxux mal-pariri li qed ningħataw?

Aħna bħala poplu rċevejna messaġġi li jmorru ‘l bogħod mill-pariri tas-saħħa, it-tobba kelmuna u taw l-ideat tagħhom ta’ kif għandna nħarsu lilna nfusna u lil dawk l-aktar għeżież. Kellna messaġġi iżda mill-PM li jħawdu l-imħuħ, konvint imma li aħna bħala poplu għandna nagħrfu x’inhu sewwa. Jeħtieġ li nifhmu li l-virus m’għandux kantunieri, u fejn għandu jsibek se jsibek. Kulħadd huwa responsabbli ta’ għemilu, imma ejja nkunu kawti, u bħala poplu nuru aktar minn qatt qabel li aħna maturi u lesti nieħdu aħna l-prekawzjonijiet meħtieġa, anki jekk it-tmexxija ta’ pajjiżna ilha x-xhur tirrepeti messaġġi li f’waqtiet ma jagħmlux sens.

Bħala nazzjon diġà tlifna l-ħajjiet fil-ġlieda kontra din l-imxija, irridu nitilfu aktar biex nitgħallmu?

L-isfidi li saħħet l-imxija

Il-kambjament li qed insemmi huwa ta’ piż kbir fuq bosta li jagħmlu parti mill-ewwel distrett. Mill-kuntatt li qed ikolli mar-residenti bosta qaluli li żdiedu l-każijiet ta’ individwi li jiddejnu biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja, speċjalment il-kera, filwaqt li l-anzjani u dawk vulnerabbli sabu ma wiċċhom il-karba tas-solitudni u l-ansjetà. Filfatt huwa mbassar li s-settur tas-saħħa mentali fix-xhur li ġejjin se jkun strumentali biex il-poplu Malti jirkupra mill-impatt ta’ din il-pandemija.

Meta nitkellem iżda fuq dan is-settur ma nistax ma nistaqsix: X’investiment sar fl-aħħar snin f’dan is-settur tant u tant kruċjali biex wara kollox ikun jista’ jservi l-ħtiġijiet tal-Maltin? Ilkoll nafu li ma sar kważi xejn f’dan l-ambitu, u s-settur tas-saħħa mentali qabel l-imxija tal-Covid kien diġà fuq sieq waħda... issa b’aktar żieda fin-numru tal-pazjenti li qed ifitxxu l-għajnuna, il-possibbiltà li l-piż jiżdied hija waħda kbira.  Piż li se jkompli jżid mal-ħafna xogħol li qed ikollhom il-professjonisti tas-saħħa li fl-aħħar xhur kienu fuq quddiem nett biex bħala nazzjon iġġelidna l-imxija.

Din hija sitwazzjoni reali li qed tkompli żżid mal-problemi kurrenti, dan apparti li ħafna minħabba l-imxija tilfu l-impjieg, jew tilfu ammont sostanzjali mid-dħul finanzjarju tagħhom. Ċifri tal-NSO wrew li l-qagħad f’pajjiżna żdied u kważi laħaq it-13,000 persuna, b’numru sostanzjali jkunu wkoll żgħażagħ u dawk li jkunu se jibdew familja ġdida.

Ħbieb issa l-mument li nuru xi nsarfu vera bħala nazzjon. Flimkien ejja nagħtu s-sostenn 'il xulxin biex ma naqgħux fis-solitudni u jalla anki meta l-affarjiet jaqilbu għall-aħjar, nibqgħu nieħdu ħsieb lil kull min hu fil-bżonn. 

Ejja nużaw il-pjattaformi tal-midja soċjali favurina. Ejja nużawhom biex nitfgħu tbissima fuq fomm xulxin. Iżda ejja nkunu dixxiplinati li nobdu wara kollox il-pariri li jingħataw mill-esperti tas-saħħa. B’hekk biss, b’dan il-mod aħna nistgħu negħlbu din l-isfida li għandna quddiemna, din il-battalja kontra għadu li ma nafux fejn jinsab, iżda nafu li jinsab fostna.


Ikun ta’ pjaċir jekk xi ħadd ikun jixtieq li jkellimni ma jiddejjaq xejn jikkuntajani fuq jamesaaronellul@gmail,com. Dejjem sabiħ meta naqsmu il-ħsibijiet tagħna flimkien.

 James Aaron Ellul 

Kandidat fuq l-1 Distrett

Artiklu li deher il-Ħadd 14 ta' Marzu 2021 fil-gazzetta il-mument

 



Comments

Popular Posts