Ambizzjoni mħassra

Artiklu li deher fuq in-Nazzjon nhar it-Tnejn 16 ta' Diċembru 2019


Li jkollok ambizzjoni fil-ħajja hija xi ħaġa pożittiva ferm, għax wara kollox ifisser li int qed taħdem għal għan li se jgħinek tikber. Li jkollok ambizzjoni ta' ingann iżda jfisser li int għandek l-għatx, ir-rebgħa li tħassar lil ta' madwarek biex int tibqa' 'l fuq.

Dan hu dak li ġara f'Malta. Gvern Laburista li l-għajta tiegħu jaf tassew kienet ġenwina, jaf tassew riedet li twettaq xi forma ta' ġid madankollu din l-ambizzjoni ġusta ġiet imħassra mir-rebgħa tal-ftit li waslet lil dan in-Nazzjon f'abiss iswed.

Regħba

"Il-kuntest essenzjali għall-ambizzjoni huwa poplu korrott mir-regħba".

Santu Wistin kiteb dan fil-ktieb tiegħu 'The City of God', kwotazzjoni li llum rajniha fil-prattika issir f'pajjiżna, Gvern li r-regħba għal aktar ħakmitu u kisritu. Gvern li ffanga, li mal-kollass tiegħu, waqalna wiċċna mal-kumplament tad-dinja, fejn din il-gżira żgħira rat ġurnalista li ġiet assassinata minħabba li l-punna tagħha kitbet il-verità.

L-għajta se tibqa' tidwi

Illum għandi 24 sena, rakkonti m'għand il-ġenituri dwar protesti għall-verità u l-ġustizzja kelli bil-bosta. Għext il-libertà mhedda tal-istampa, mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Qed ngħix dan il-mument imdemmi u mtappan ta’ assassinju li jgħidu x’jgħidu aktar qed joħroġ biċ-ċar li kellu rabtiet politiċi.

Is-sitwazzjoni preżenti f'waqtiet bħal dawn iġġibek bla kliem, tħoss fik ċertu korla - rabja u emozzjoni ta' mistoqsijiet li llum qishom qed jiġu mwieġba, madankollu hemm bil-bosta oħra fejn għadna qed nistennew il-verità tkun konfermata, fejn qed nistennew li ssir ġustizzja, li jsir ħaqq ma’ dawk li naqsu lilna, lil Malta tagħna.

L-għajta biex tintrefa' r-responsabbiltà politika se tibqa' tissokta. F'dan iż-żmien rajt żgħażagħ ħdejja li qatt ma b'sart li kont se nara. Il-poplu bir-raġun iħossu tradut, il-poplu bir-raġun qiegħed iżomm f'idu kartelluni bil-kliem bħal Mafja, Korrott, Gvern Qattiel. Dawn il-kliem qed juru, qed jikxfu s-sentiment tal-maġġoranza tal-Maltin. Nies b'rabta mal-ogħla istituzzjonijiet Maltin kellhom sehem f'dan l-assassinju makabru. Istituzzjonijiet li fihom illum  rajna kroll. Falliment ħakem lil dawn imsejħa istituzzjonijiet, u magħhom fallew u baxxew ukoll lil isimna. Il-vera tradiment rah u esperjenzah il-poplu Malti.

Is-sentiment huwa ta’ nazzjon sħiħ li qiegħed ifittex is-sewwa, għax is-sewwa ma jafx la l-blù u la l-aħmar. L-għożża tal-bandiera tagħna huwa bil-kbir ferm aktar kruċjali f’dan il-mument li qed ngħixu fih, u għalhekk qed ikun hemm front nazzjonali f’din il-ġlieda għal ġustizzja, f’din il-ġlieda għal dan in-Nazzjon tagħna.

Ix-xahar ta’ Diċembru huwa suppost xahar li aħna bħala nsara fl-Avvent inkunu qed inħejju lilna nfusna għal miġja ta’ Ġesù Bambin. Iż-żmien biex inqattgħuh mal-familja. Il-perjodu fejn nirriflettu fuqna nfusna u fuq it-tajjeb li nistgħu nwettqu. Din is-sena din l-atmosfera ta’ festa qisha ftit li xejn sabet saħħa f’qalbna għax f’qalbna hemm sentimenti oħra li huma ta’ tħassib kbir.

Dan id-Diċembru għalina l-Maltin huwa żmien ta’ riflessjoni tassew. Irridu nirriflettu bil-galbu u nżommu il-verdetti ta’ dawn l-avvenimenti  għall-ġudizzju li għandna nagħtu ‘l quddiem. L-ambizzjoni tagħna, tal-poplu, għandha tkun lejn is-sewwa, li dan in-nazzjon jixraqlu ferm aħjar. 

Malta trid il-verità. Malta trid li ssir ġustizzja. Malta jistħoqqilha tmexxija nadifa.

Comments

Popular Posts