Il-libertà tal-informazzjoni fittizja



Illum qed ngħixu f’realtà fejn nirrikonoxxu l-libertà tal-espressjoni, u bosta jħaddnu dan id-dritt mhux ftit, iżda f’pajjiżna hawn abbissi fl-informazzjoni mitluba.

Dewmien esaġerat. Entità twaħħal f’oħra. Ħadd ma jrid jassorbi r-responsabbiltà.

Din hija s-sitwazzjoni  Filwaqt li f’pajjiżna missirijietna ġġieldu għal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-informazzjoni tinsab mhedda mhux ftit.

Minn esperjenzi li ngħix spiss, anki f’laqgħat tal-Kunsill, fejn anki talbiet isiru spiss l-informazzjoni hija xi ħaġa rari, bi tfittxija għal dak li hu veritier tkun sostnuta f’numru ta’ laqgħat b’talbiet lill-entitajiet tal-Gvern u lill-Ministeri ma jwasslu għal imkien għajr għal dewmien, stennija u inkonvenjent.

Fl-aħħar ġimgħat rajna kemm hemm domandi Parlamentari mhux imwieġba, bil-Ministri jożbqu s-700 domanda mhux imwieġba sa tmiem is-sena 2023. L-istess domandi mwieġba matul din is-sena, bosta ma tawx tweġiba, iżda jgħaddu minn għajn il-labra d-domanda u lil dak li jkun wettaqha.

Din is-sitwazzjoni kont ngħixha wkoll fil-ġurnaliżmu, u l-kollegi sħabi ġurnalisti għadhom jesperjenzawha sal-lum.

Din is-sitwazzjoni tinsab anki fil-Kunsilli Lokali.

Ħabi totali tal-informazzjoni

Ili mill-2017 insaqsi dwar il-ġurisdizzjoni tal-Fosos. Qisni qed insaqsi xi ħaġa sigrieta, b’devjazzjoni f’waqtha mill-entitajiet, tfakkiriet u reminders ikunu injorati, biex fis-sena 2024, kellna tweġiba li l-Fosos ma jaqax taħt il-Ministeru tal-Patrimonju u l-Kultura, iżda dan l-istess Ministeru qatt ma żamm lura milli jwettaq ix-xogħlijiet meħtieġa ta’ ħarsien. Fl-aħħar snin ukoll bdew taħditiet mal-Ministeru tal-Artijiet, fejn ukoll ninsabu f’limbu.

Li jkollok tweġiba minn Ministeru li jwettaq ix-xogħlijiet ta’ ħarsien, u rajna l-istat tal-Fosos fl-aħħar snin, hija tweġiba redikola għal kull min għandu għal qalbu dan il-wirt nazzjonali.

Kif appellajt numru ta’ drabi, jien bl-ebda mod ma rrid li ma jsirux attivitajiet fuq il-Fosos, iżda jinbidlu l-mod u l-kif. Kif indikajt għadd ta’ drabi fil-passat, il-Fosos hija l-akbar pjazza f’Malta, u fid-defenizzjoni ta’ pjazza ma tista’ qatt tgħid li din ma tilqax nies fi ħdanha. Inkun qed immur kontra d-defenizzjoni ta’ dan kollu.

Kif appellajt numru ta’ drabi, jien ma rridx li ssir manutenzjoni, iżda rrid li ma ssirx ħsara. Irrid, bħal kull Furjaniż, u bħal kull Malti li għandu għal qalbu dan il-patrimonju, li jekk u meta jsir ir-restawr, dan ir-restawr ma jkunx mormi wara ftit ġimgħat, iżda l-pjazza tkun ikkultivata kif hu xieraq u denju.

In-nuqqas ta’ tweġibiet, it-tkaxkir tas-saqajn fuq materji bħal dawn ikomplu jikkonfermaw it-titlu ta’ dan l-artiklu. Ilkoll għatxana għall-informazzjoni, akkost li ninsabu taħt id-dawl tal-libertà tal-espressjoni.

Tweġibiet ta’ limbu

L-istess sitwazzjoni hija dwar il-ħarsien u s-sigurtà dwar Bieb il-Bombi. Kien hemm camera ta’ sorveljenza u ħarsien. Din il-camera kienet mill-ġdid saret wara insistenza u għadd ta’ talbiet li wettaqt matul il-laqgħat tal-Kunsill, u minn hemm il-Ministeru konċernat kien installaha. Wasalna fl-2023, il-camera għebet, sar attakk vandalu, u l-awtoritajiet lanqas kienu jafu li kien hemm camera fiz-zona ta’ anki ta’ wara Bieb il-Bombi.

Awtorità tipponta s-swaba fuq oħra u ħadd mhu lest li jwieġeb. Min imur minn taħt? Il-lokal, iċ-ċittadin, ir-resident.

Din hi s-sitwazzjoni.

Il-poplu fix-xhur li ġejjin għandu għażla xi jwettaq. Lill-Kunsilli, fi ħdanhom, se jkun qed jeleġġi nies li jaħdmu qatigħ għal-lokal? Jeħtieġ persuni li joffru resistenza għal dan l-għemil diżastruż fil-konfront tal-libertà tal-espressjoni. Jeħtieġ li l-Kunsilli jkollhom fi ħdanhom persuni li vera jemmnu fil-funzjoni ta’ Kunsill. X’obbligu għandu l-Kunsill Lokali. Li jiġġieled il-mentalità li ġiet imwellda fl-aħħar snin li l-Kunsill huma Customer Care. Il-Kunsilli għandhom ir-rwol ta’ fejda ferm akbar xi jwettqu ma’ kull komunità fi ħdan il-lokal rispettiv.

Mozzjonijiet ta’ ħidma u tfittxija għall-verità

Matul dawn is-snin li ili nokkupa r-rwol fil-Kunsilli Lokali tal-Floriana, li nwettaq dmiri lejn dak li hu ġust u sewwa lejn il-lokal kien il-qofol tal-ħidma tiegħi. Tal-Partit Nazzjonalista fil-Floriana.

Mill-2015 ‘l hawn kien pjaċir tiegħi li preżentajt ‘il fuq minn 60 mozzjoni li permezz tagħhom ħarist li titjieb il-kwalità tal-ħajja fil-lokal. Mozzjonijiet fejn anki talbu għall-kawtela, responsabbiltà u informazzjoni. Mozzjonijiet li permezz tagħhom il-Floriana tkun imħarsa.

Is-sitwazzjoni fil-lokal hija drastika. L-appell ta’ riġenerazzjoni denja li kont insostni fl-ewwel jiem tiegħi bħala kandidat ta’ 19-il sena, għadu sostnut bl-istess saħħa llum.

L-appell li nagħtu ħajja aħjar lill-Floriana għadu u jibqa’. Dan hu fid-dmir tiegħi li nibqa’ nagħmlu sakemm il-poplu jibqa’ jtini l-fiduċja tiegħu.

 

James Aaron Ellul
Minority Leader Floriana

 

Comments

Popular Posts