Skiet li jtarrax dwar il-Fosos

 


Responsabbiltà li qatt ma ġiet fdata

 

Silenzju li l-Gvern jipprova jtaffih bi ftit laqgħat u emails li iżda ftit li xejn ikunu mwieġba. L-appelli tal-Furjaniżi, bi sfortuna, mhux ikunu stmati mill-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici. Is-sitwazzjoni ta' fuq il-Fosos, issa ilha għaddejja numru ta' snin, b'numru ta' snin ta' stennija, bil-Fosos u s-sitwazzjoni tibqa' tmur lura u l-pjazza tibqa' tiddeterjora. 


6 snin ta' stennija

6 snin ilu, permezz ta' mozzjoni li preżentajt fil-Kunsill Lokali tal-Floriana tlabt biex bħala Furjaniżi nħarsu l-pjazez tagħna, fosthom il-Fosos. Is-sitwazzjoni hija allarmanti. Wara kważi kull attività tal-massa, l-akbar pjazza f'Malta tibqa' taffaċċja tkissir u ħsarat kbar, bid-detriment fuq dan il-wirt storiku jibqa' jikber u jikber. 

Mil-laqgħat li saru, li ma kinux xi ħafna, f'sitt snin għadna ma wasalna mkien, bir-responsabbiltà tal-Fosos ma hi ta' ħadd. 


Ħadd mhu responabbli mill-Fosos

Is-sitwazzjoni hija din, preżentament ħadd mhu responsabbli mill-Fosos. Il-Kunsill m'għandux ġurisdizzjoni ta' din il-pjazza, l-ebda entità ma għandha ġurisdizzjoni, l-ebda entità ma hi responsabbli u għalhekk is-sitwazzjoni qed tibqa' tmur lura. Ħadd mhu responsabbli minn din il-pjazza nazzjonali. 

Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill mill-ġdid appellajt dan kollu, xi ħaġa li ili ntenni għal dawn l-aħħar snin. Il-Kunsill jinsab vuċi waħda wkoll. Jeħtieġ li l-Fosos ikunu mħarsa, u jkun hemm entità li hija responsabbli. 

 

Ħsarat kontinwi

L-isfidi kurrenti huma dawn. La ħadd mhu responsabbli, kulħadd jagħmel li jrid. Fuq il-Fosos hemm żewġ fanali ornamentali li ntilfu, għosfru, ħadd ma jaf fejnhom. Lura fl-2020 kont ġbidt l-attenzjoni dwar dan, u t-tfittxija tagħhom għadha għaddejja sal-lum. Ħadd mhu responsabbli minn dan l-għibien. Riċenti kellna sitwazzjoni oħra li titratta l-fanali hekk kif għall-ftuħ u l-għeluq tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, inqala fanal, u tpoġġa f'masġar ċkejken li jinsab wara l-monument tal-Vilhena. 

 

Apparti dan kollu, kif jixhdu anki r-ritratti, hemm fosos li jinsabu mifqugħa, u vvandalizzati, bil-ħsarat ikomplu jiżdied għax xogħol ta' manutenzjoni fuqhom mhux ikun hemm. 

 

𝐀𝐤𝐭𝐚𝐫 𝐠ħ𝐚𝐣𝐧𝐮𝐧𝐚 𝐥𝐢𝐥𝐥-𝐊𝐮𝐧𝐬𝐢𝐥𝐥 𝐮 𝐥𝐢𝐫-𝐫𝐞𝐬𝐢𝐝𝐞𝐧𝐭𝐢

𝑁𝑖𝑛𝑠𝑖𝑠𝑡𝑢 𝑔ħ𝑎𝑙 𝑘𝑜𝑛𝑡𝑟𝑖𝑏𝑢𝑧𝑧𝑗𝑜𝑛𝑖 𝑙𝑖 𝑡𝑤𝑎𝑠𝑠𝑎𝑙 𝑔ħ𝑎𝑙 𝑖𝑛𝑣𝑒𝑠𝑡𝑖𝑚𝑒𝑛𝑡

Fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Mejju rrimarkajt li għandna staġun ieħor ippakkjat bl-attivitajiet kontinwi fuq il-Fosos u l-madwar. Biss biss fuq il-Fosos f'temp ta' 4 xhur se nkunu qed naraw 8 attivitajiet. Attivitajiet li lkoll iġibu ammont kbir ta' nies, bi problemi ta' storbju, parkeġġ u skart fost l-oħrajn.

Proponejt biex il-Kunsill jibda jitlob lill-entitajiet li qed jorganizzaw dawn l-attivitajiet sabiex jibdew jagħtu forma ta' kumpens li wara jkun investit fil-lokal u r-resident.

X'qed nipproponu?

Il-Fosos jeħtieġ li jkun protett. Fit-8 snin li ili fil-Kunsill Lokali tal-Floriana, qatt ma rajt risk assesment wieħed qabel attività li ssir fuq il-Fosos. Fl-aħħar laqgħa qajjimt dan il-punt mill-ġdid, u tennejt u saqsejt jekk dak li qed jitolbu l-pulizija huwiex biżejjed għall-ħarsien. Il-ħsarat qed isiru kontinwament, u faċli tasal għall-konklużjoni li l-periklu qed jiżdied mhux jonqos. 

L-għan tal-mozzjoni ta' sitt snin ilu kien biex il-Fosos ikun protett. Allura jew il-Gvern jasal jagħti l-fondi meħtieġa biex l-Kunsill ikun jista' jħares sewwa din il-pjazza, jew jagħti r-responsabbiltà lil entità biex taqdi din il-funzjoni. 

Illum qed naraw forti, mużewijiet u għadd ta' binjiet storiċi li għandhom ġurisdizzjoni ta' entità, il-Fosos x'għandu anqas?

L-appell se jibqa' mtenni u sostnut, minni u minn bosta Furjaniżi, il-wirt storiku Furjaniż u dak nazzjonali fil-Floriana jrid jingħata attenzjoni. Qed nibqgħu naraw attitudni ta' passività kbira mill-Gvern fil-konfront tal-lokal tagħna. Dan jeħtieġ jinbidel, dan għandu jinbidel. Se nibqa' naħdem biex il-Floriana tieħu l-ħajja, ikollha l-għodda xierqa biex tieħu ħsieb tagħha nnifsiha u tingħata l-attenzjoni kollha li tixraq. 

Artiklu li deher fuq il-mument tat-18 ta' Ġunju 2023

Comments

Popular Posts