X'diskussjoni?

Artiklu li deher fuq in-Nazzjon tal-14 ta' Diċembru, 2022

L-emenda ta' Robert Abela li qed tippermetti li f'Malta jiħdol baxx baxx l-abort iddominat id-diskussjoni f'bosta fora f'pajjiżna. Emenda fil-liġi li rnexxielha ġġib flimkien nies b'ideoloġiji politiċi, ta’ fidi differenti flimkien. Emenda li rnexxielha toħroġ il-massa fit-toroq bħala protesta għall-mod kif inhi miktuba.

Fi ftit kliem li għadni kemm ktibt, indikajt dikussjoni f'numru ta' fora, iżda l-fora tal-esperti kemm ingħatat widen qabel tressqet din l-emenda? Xi ħaġa li issa drajniha, sfortuna. Xi ħadd pespes f'widnejn Abela u mingħajr konsultazzjoni tressqet din l-emenda. Il-problema hi li diskussjoni ħielsa dwar dan ma saritx.

Abela b'mod grandjuż, irnexxielu jgħaqqad ukoll lill-NGO's, entitajiet diversi, esperti, akkademiċi, tobba, għax jekk forsi qed iħarsu lejn l-emenda minn lenti differenti, kulħadd qed jaqbel li din l-emenda se tkun qed iddaħħal l-abort f'pajjiżna.

Il-problema iżda li bosta qed jaraw, hija li għal xi raġuni, Robert Abela għażel li ma jiddiskuti ma ħadd, jew għażel hu ma’ min jiddiskuti, u lill dawk li jaħdmu fis-settur ma ġewx ikkonsultati. Dan filwaqt li qed jibqa’ jsostni li din l-emenda mhux se tkun qed iddaħħal l-abort.

Fl-aħħar jiem kellna stqarrija mit-Tobba, il-MAM li qalulu ċar u tond, jekk trid iddaħħal l-abort, dan tagħmlux f’isem it-tobba. Dawn qalu li l-emenda se twassal biex jikbru l-problemi għat-tobba għax il-kliem ta’ din il-liġi huma wisq vagi.

Il-Gvern b’din l-emenda qed jgħid li l-emenda fil-liġi li mhux se tkun qed iddaħħal l-abort, u li din il-liġi se tkun qed tipproteġi t-tobba, madanakollu t-tobba issa qed jgħidu li din l-emenda ma jriduhiex.

Din l-emenda ġabet magħha dubji kbar, nuqqas ta’ ċarezza, inċertezza. Malta se jidħol l-abort? Il-kelma saħħa fl-emenda hija wiesgħa, u hawn mhux biss qed nifhem u nemmen li l-kelma hija wiesgħa, iżda dan qaluh ukoll għadd ta’ esperti li jaħdmu ferm viċin aktar is-settur tas-saħħa.

Din it-tema iżda hija tema li tikkonċerna lil kulħadd. U għalhekk ħarġu n-nies fit-toroq, għax it-tema tikkonċerna lil kulħadd, u l-emenda għandha tħares lil kulħadd. L-emenda kif inhi se tkun qed tippermetti li tinqatel it-tarbija fil-ġuf sa disa’ xhur tqala. Tarbija. La embrijun u lanqas fetu, iżda tarbija.


L-esperti tajjeb li jkollhom lil min iħarishom iżda rridu naħdmu biex l-abbozz vera jħares lill-omm, lit-tarbija fil-ġuf u lill-mediku

Din l-emenda qisha qed titfa’ dawl li t-tobba f’każijiet fil-passat ma ħadmux kif suppost. Iżda evidenti, hekk kif rajna anki fl-argument tal-Avukat tal-Istat dwar il-każ ta’ Prudente, li t-tobba għamlu kollox biex jimxu sewwa, biex iħarsu l-ħajja.

L-abort qatt mhu ġustifikat li jsir, speċjalment meta jkun hemm persuni li qed ibatu mis-saħħa mentali u dan qaluh esperti f’dan il-qasam.

Saqsejt fl-aħħar jiem, dwar jekk dawn l-entitajiet li qed jgħidu li Abela se jkun qed idaħħal l-abort f’pajjiżna, jekk dawn hux jigdbu, bil-Prim Ministru jonqos milli jwieġeb.

Sħabi fakkruh li Robert Abela m’għandux mandat biex idaħħal l-abort f’Malta, iżda evidenti li din id-deċizjoni, din l-emenda, se tkun qed iddaħħal l-abort.

Jeħtieġ li naġixxu, jeħtieġ li jekk issir emenda, tkun qed tħares lil kulħadd, lill-omm, lill-mediku u lit-tarbija fil-ġuf. Jeħtieġ aktar ħidma ta’ għarfien, jeħtieġ aktar ħidma biex tingħata l-għajnuna fejn ikun meħtieġ iżda żgur li bl-emenda li se ssir m’għandna qatt nippermettu li nitilfu l-ħajjiet, la tal-omm u lanqas tat-tarbija.



Comments

Popular Posts