INTERVISTA dwar is-sitwazzjoni fil-Floriana: Azzjoni issa qabel ikun tard wisq
Intervista ma' il-mument li dehret il-Ħadd 7 t'Awwissu.
Fiex jikkonsisti l-proġett kif propost mill-Gvern dwar Triq Sant Anna?
Sa issa għadna ma nafux eżatt fiex jikkonsisti dan il-proġett, għax pjanti
għadna ma rajniex. Fl-aħħar jiem ġejna mgħarrfa li l-istudji dwar dan
il-proġett għadhom għaddejjin. Rajna biss stampi tal-ħsieb. Hemm dubju dwar
jekk hux se jsir il-proġett bħall-istampi li rajna. Ma nafux jekk il-proġett
hux se jkun ġnien jew zona pedonali. Din hija s-sitwazzjoni preżenti. Ħafna qed
jassumu u jiddiskutu, iżda x’hemm pjanat eżatt min-naħa tal-Gvern għadna ma
nafux.
X'inhi l-pożizzjoni
tal-Kunsilliera tal-PN? X’viżjoni għandu l-PN fil-Floriana għal-lokal?
Il-pożizzjoni tal-PN fil-Floriana hija li ssir riġenerazzjoni denja
tal-lokal. Li fuq kollox il-prijorità tkun li meta jsir investiment,
l-investiment ikun qed jikkonċentra li jħares lir-residenti li huma l-qalb
tal-lokal. Il-problema tal-Floriana hija li familji ftit li xejn fadal, u
l-populazzjoni dejjem qed tikber fl-età. Dan qed iħalli impatt kbir fuq
il-Floriana t’għada u għalhekk din il-politika li jien addottajt mill-ewwel jum
li tlajt fil-Kunsill, lura fl-2015. Prijorità lill-qalb u lill-identità li
tagħmel lill-Floriana.
Tajjeb li ssir riġenerazzjoni, tajjeb li Sant’Anna tkun restawrata, li
jsirilha x-xogħol kollu meħtieġ għall-aħjar. Fil-prinċipju dan kollu rridu
naqblu miegħu. Tajjeb ukoll li fil-proċess, Triq Sant’Anna ssir mitqlu deheb u
tisbieħ, iżda ma’ dan il-proġett jeħtieġ li jsiru inizjattivi u proġetti oħra
li jelevaw il-valur tal-lokal kollu u mhux ta’ Triq waħda biss. Tajjeb li
ngħidu wkoll li jekk ħa jsir proġett ninkludu lill-istakeholders konċernati, biex ħadd ma jitħalla lura, biex kulħadd
ikun infurmat.
Dan ifisser li jeħtieġ li jkun hemm aktar għajnuniet għal skemi li jħajru
familji jirritornaw lejn il-Floriana u oħrajn ġodda jkunu mħajra jgħixu
fil-Floriana. Li jsir investiment apparti biex il-binjiet abbandunati jingħataw
il-ħajja. Is-sitwazzjoni hija prekarja, kull ma jmur il-populazzjoni tal-lokal
qed tinżel u llum nazzarda ngħid li lanqas tmiss l-2,000 ruħ. Jeħtieġ azzjoni
issa, qabel ma jkun tard wisq.
X'diskussjonijiet saru s'issa
mal-Kunsill u fejn waslu?
Ilna nitolbu numru ta’ drabi biex issir laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar dan
il-proġett. Kien hemm numru ta’ okkazjonijiet fejn tlabna biex isiru laqgħat ta’
konsultazzjoni, jew jekk sa dak iż-żmien bħala Furjaniżi konniex ġejna
kkonsultati, fosthom hemm il-minuti tal-laqgħa ta’ tmien leġiżlatura 41.5.1 u
kif ukoll 44.2.3. Dawn huma biss żewġ eżempji. Kien hemm numru wkoll appelli
kontinwa fil-pubbliku biex isiru laqgħat ta’ konsultazzjoni kemm minni,
mill-Kunsilliera Palmier u kif ukoll minn għadd ta’ Furjaniżi.
Ftit tal-jiem ilu, saret l-ewwel laqgħa. Dejjem sa fejn nafu jien u
l-kollega Justine Palmier. Inkun onest kienet laqgħa fejn saret diskussjoni ta’
dak li aħna bħala Furjaniżi qed nisimgħu mingħand residenti oħra u sidien
tal-ħwienet dwar x’jeħtieġ li jsir biex il-proġett ikun tassew ta’ fejda għal
kulħadd. Pass pożittiv ħafna. Madankollu għadna ma nafux kif se jkun eżatt
il-proġett għax l-istudji għadhom għaddejjin. Intqal li qed isir ukoll studju
permezz tal-Ground Penetrating Radar
li se jkun żgur mhux forsi se jħalli impatt fuq x’deċizzjoni se tittieħed dwar
dan il-proġett. Tajjeb li wieħed iħares ukoll lejn it-traffiku li preżentament
jgħaddi mit-toroq li jmissu ma’ Triq Sant’Anna, x’soluzzjoni se jkun hemm biex
kull resident ikollu aċċess b’kumdità għal daru jekk iz-zona ssir ġnien jew
waħda pedonali?
Li jinkwetani huwa li sa issa ma saritx konsultazzjoni mar-residenti, u
lanqas mas-sidien tan-negozji. Dawn kollha se jiġu affetwati, min bil-ftit u
min bil-ħafna. Intqal li dawn il-laqgħat għandhom isiru, u fl-opinjoni tiegħu
jeħtieġ li jsiru minnufih għax hemm il-ħajja ta’ kuljum ta’ bosta, kemm
residenti u kemm sidien tal-ħwienet. Ħaġa tajba huwa li jidher li kemm
il-Ministeru u kif ukoll dawk kollha konċernati iridu li l-Kunsill Lokali
Furjaniż jibqa’ kkonsultat.
Irridu nifhmu wkoll li hemm materji pendenti minħabba dan il-proġett li qed
jgħidu li ma nistgħux nieħdu ħsiebhom, jew nirranġawhom minħabba li se jsir
il-proġett. Fosthom is-subways ta’ Triq Sant’Anna. Min-naħa tal-PN fil-lokal
konna għedna li x-xogħol kif sar fl-aħħar snin mhux wieħed sostenibbli, u llum
iż-żmien sfortunatment tana raġun għax kontinwament qed ikun hemm żblokk ta’
drenaġġ, dawl jinqata’ u abbużi oħra. Aktar ma jdum il-proċess tal-istudju
aktar jippersistu dawn il-problemi. Dan il-punt tqajjem numru ta’ drabi mill-PN
fil-laqgħat u anki fuq il-midja soċjali.
Nittama li għal dan il-proġett il-Gvern ma jkaxkarx saqajh biex ma jiddiskutix
u mbagħad jaghmel fattih, dan kif ġara mar-residenti fil-Belt Valletta ftit
tal-ġimgħat ilu dwar il-mużika għolja sas-1am.
Triq Sant Anna hi waħda biss
mill-problemi li qed jiffaċċjaw ir-residenti fil-Floriana?
Użgur li le. Irridu nkunu ċari li l-idea li Triq Sant’Anna ssir pedonali
jew ġnien ilha mill-1990. Fl-aħħar snin il-PN fil-Floriana appella numru ta’
drabi biex isir xogħol ta’ restawr fil-loġoġ, fejn anki pproponejna t-tema ta’
kuluri diversi għal kull loġġa. Din kienet biss idea minn ħafna oħrajn.
Fl-aħħar laqgħat ukoll sar appell biex jinbiddlu l-madum, u kif ukoll biex
l-art tibda tinħasel aktar ta’ spiss.
Il-problema ta’ tniġġis hija oħra, Triq Sant’Anna hija l-aktar Triq
imniġġsa f’Malta u meta saqsejna fejn se jmorru l-emissjnijiet jekk Sant’Anna
titħaffer, intqal li se tinħoloq sistema li tassorbi hi l-emissjonijiet u mhux
jinħarġu barra fit-triq.
Fil-Floriana iżda għandna l-problema kbira ta’ skart u n-nuqqas ta’ ndafa.
Il-Kunsilli qed jitħallew qoxqox fuq kuntest ta’ finanzi biex tassew inkunu
nistgħu nżommu l-upkeep ta’ livell.
L-upkeep qed ikun biex biex ngħaddu,
u ma nistgħux naħdmu hekk. Min-naħa tagħna, bħala PN fil-Kunsill proponejna
biex isir l-ħasil ta’ toroq u l-bankini biex din il-problema tittaffa’.
Madankollu konxji li l-ħasil mhux is-soluzzjoni assoluta, jeħtieġ koperazzjoni
minn kulħadd biex il-Floriana tinżamm nadifa.
Il-Floriana għandha wkoll numru ta’ soft
areas li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kunsill. Hemm uħud li nkun
onest ma jsirx ix-xogħol meħtieġ kif suppost. Ġnien il-Mall għadu mhux lest,
qed ikollna problemi ta’ sigurtà fiz-zona, b’ilmenti minn residenti li fid-dlam
li qed ikun hemm, qed jiżdied l-abbuż. Kemm il-PN fil-Kunsill u kif ukoll
il-Kunsill kollu appellajna biex sa issa tinħoloq soluzzjoni temporanja ta’ floodlights biex iz-zona tinxtegħel.
Riċenti kellna sfidi fejn l-organizzaturi tal-kunċerti jħallu l-iskart wara
għal numru ta’ jiem. Dan mhux aċċettabbli. Mela sliftlek dari biex tagħmel
kunċert, u wara ma ttihilix lura kif tajtilek. Dan apparti li konsultazzjoni
qabel ma tantx issir, u f’waqtiet l-organizzaturi jinsew li hemm ir-residenti
fil-lokal. Nemmen bis-sħiħ li dwar dan il-Kunsill irid ikun ikkonsultat, u meta
ma jkunx ikkonsultat ifittex hu li ssir konsultazzjoni u li fuq kollox ikun
mismugħ. Dan l-appell ili nsostnih, u l-PN ilu jħaddnu għal numru ta’ snin.
Infatti lura fl-2018, kont għaddejt mozzjoni f’isem il-PN li ġabet qbil tal-Kunsill
kollu biex il-Fosos ikun imħares tassew, u min suppost għandu l-ġurisdizzjoni
ta’ dan, jaqdi dmiru u jħares dan il-wirt nazzjonali. Dwar dan id-diskussjonijiet
għadhom għaddejjin u ‘l quddiem se nkun qed nikteb f’aktar dettall.
L-abbandun, u n-nuqqas ta’ riġenerazzjoni qed iġib miegħu problemi oħra,
problema ta’ galleriji u bini li ġieli biċċiet minnu jaqgħu fit-triq. Dan qed
joħloq periklu. Binjiet ukoll li qed iservu bħala bejtiet għall-ħamiem, li
jġibu magħhom problemi senitarji. Kollox jaħdem bħal katina, problema jekk ma
tkunx imħarsa, toħloq oħrajn. L-istess ukoll limitati fir-riżorsi umani
għall-ordni, bil-Pulizija jagħtu l-100% u kif, iżda minħabba nuqqas ta’ risorzi
umani qed tkun dejjem aktar diffiċli biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-lokal.Nieħu din
l-opportunità biex nirringrazzja l-uffiċjali li jaħdmu fl-Għassa tal-Floriana u
kif ukoll jaqdu lill-komunità bl-aqwa mod.
Lura fl-2017, kont preżentajt mozzjoni biex il-Masġar tal-Ġublew jingħata
t-titlu ta’ Park tal-Familja u li jkun imħares kif suppost. Dan il-masġar huwa
l-unika f’nofs il-bini urban tal-Port il-Kbir u huwa rigal ta’ nifs nadif li
jeħtieġ l-attenzjoni. L-għan tal-mozzjoni kien dan, iżda sal-lum għalkemm
iltqajna mal-Gvern dwar dan, bqajna bla direzzjoni ‘l quddiem, filwaqt li l-abbuż
fiz-zona għadu jippersisti b’nuqqas mill-awtoritajiet konċernati tal-Gvern li
jagħrfu l-potenzjal ta’ dan il-masġar uniku. ‘Il quddiem se nkun qed nitkellem
aktar dwar dan.
Hu l-każ li l-Floriana l-ewwel
teħtieġ li tindirizza l-veru problemi li qed ixekkluha qabel il-proġett ta'
Triq Sant'Anna?
Nemmen ħafna fil-politika ta’ bilanċ, li tinkludi lil kulħadd, ma tistax
tagħmel proġett maġġuri bħal dan, mingħajr ma tħares il-problemi li hemm u li
se jinħolqu. Niftakru li dan il-proġett, jekk isir, se jkun fil-qalba ta’
lokalità li fiha jgħixu n-nies. Alterja priċipali li tgħaqqad ‘il-Malta
mal-Kapitali.
Importanti li dawn it-temi li ktibt hawn fuq jingħataw attenzjoni assoluta,
u nemmen li huma ftit mill-ħafna problemi li bħalissa qed naffaċjaw.
Il-PN ilu żmien jappella għall-konsultazzjoni, ilu żmien jipproponi anki
minn għadd ta’ mozzjonijiet biex il-Floriana tittejjab. Minn Minoranza qed
nagħmlu minn kollox biex intejbu ħajjet il-Furjaniż, f’waqtiet naslu,
f’ċirkustanzi oħra nsibu reżiżtenza. Li hu żgur li l-ħidma se tissokta biex
bħala PN nirrapreżentaw bl-aqwa mod lil-lokal tagħna, f’kull aspett.
Aħna se nibqgħu disponnibli u fejn jeħtieġ li tagħmlu kuntatt, tiddejqux
tagħmlu dan.
Comments
Post a Comment