Ħtieġa li ngħożżu l-lingwa Maltija u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna


L-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali bi preparazzjoni għall-Elezzjoni Ġenerali, kienet ikkaratterizzata mill-approvazzjoni tal-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Pjan konkret li kkonferma kemm konna tassew preparati u li jien kburi li tajt il-kontribut għalih.

Dan il-Programm Elettorali jilħaq tassew l-aspirazzjonijiet tan-nies, għaliex issawwar minn fost in-nies. Permezz tal-ħolqien tal-clusters madwar sentejn ilu, il-Partit Nazzjonalista ltaqa’ ma’ diversi persuni u għaqdiet minn sferi differenti tas-soċjetà. Kull cluster kellu responsabbiltà li joffri ideat, bl-għan li finalment jiffurmaw il-pjan tal-Partit Nazzjonalista għas-snin li ġejjin.

Bħala parti mill-cluster tal-Identità Nazzjonali f’Dinja Globali, ridt ngħin biex jitwassal messaġġ li pajjiżna għandu jkun kburi u japprezza dak li jagħmlu Malti. Madankollu l-kburija waħedha mhix biżżejjed, għaliex rridu nagħrfu l-karatteristiċi veri tagħna biex inkunu nistgħu nagħmluhom parti mill-kartolina li pajjiżna joffri madwar id-dinja.

Minbarra l-imħabba li għandi lejn pajjiżi, fuq kollox ngħożż il-lingwa Maltija. Għal dan l-għan ninsab sodisfatt li waħda minn ħafna proposti li ressaqt u li ħarġet wara konsultazzjoni ma’ dawk li għandhom għal qalbhom l-ilsien tagħna, tinsab ukoll fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

“Bil-għan li nħaddnu l-valur tal-ilsien Malti, miktub u mitkellem,inwaqqfu ‘Dar tal-Malti’ li fiha tiġbor lill-kittieba, awturi, entitajiet rappreżentattivi u s-settur privat biex isservi ta’ xprun ewlieni li tippromwovi u tinċentiva l-użu tal-lingwa Maltija fl-oqsma kollha.”

L-għan ta’ din il-proposta hi biex nagħmlu aktar kuraġġ lil dawk li jżommu l-lingwa Maltija ħajja permezz tax-xogħlijiet tagħhom. Għalkemm sar ħafna progress matul is-snin, il-Malti għadu jsib quddiemu diversi ostakli speċjalment fuq mezzi elettroniċi u l-media soċjali.

B’din il-proposta, il-lingwa Maltija jkollha pjattaforma oħra biex it-talenti ta’ min jagħmel ġieħ lilha, ikun jista’ jinfirex aħjar. Għalhekk ukoll li proposta oħra dwar dan is-suġġett hi li jkun hemm inċentivi lill-kittieba, l-awturi u l-industrija biex il-kontenut lokali jsib aktar postu fuq il-komunità Maltija.

Inħoss li dawn iż-żewġ proposti flimkien, għandhom itellgħu l-lingwa Maltija fuq livell ieħor u anki jixpruna żgħażagħ li għandhom it-talent tal-kitba fil-Malti iżda forsi jaħsbuha aktar minn darba biex jaqdfu waħedhom.

Iżda l-Identità Nazzjonali mhix biss il-lingwa Maltija. Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna hi bil-wisq importanti għaliex b’reputazzjoni tajba, Malta tikseb ir-rispett li jixirqilha. Kull meta kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, Malta dejjem kellha relazzjonijiet tajba ma’ diversi pajjiżi, speċjalment permezz tad-dħul fl-Unjoni Ewropea lura fl-2004.

Fortunatament dan wassal biex iċ-ċittadin Malti seta’ joħlom li jkun ikkunsidrat daqs l-oħrajn madwar il-mejda ta’ diskussjoni fost il-pajjiżi Ewropej. Il-konferma waslet proprju ftit ġimgħat ilu meta Roberta Metsola, waħda minnha, ġiet eletta bħala President tal-Parlament Ewropew. Ta’ bilħaqq, unur li jġib ftit lura r-rispett li pajjiżna tilef fl-aħħar snin minħabba diversi skandli tal-Gvern Laburista.

Fuq kollox, l-Ewwel Distrett li jien ġej minnu, hu sinjur fir-rabta li għandu ma’ dak li jagħmilna Maltin. L-Ewwel Distrett hu l-benniena ta’ uħud mill-akbar avvenimenti fl-istorja ta’ pajjiżna filwaqt li mimli bil-karatteristiċi ewlenin tal-poplu Malti.

Il-festi, l-isport, il-volontarjat, l-ispazji miftuħa u d-diversi postijiet storiċi huma kollha parti minn dak li jagħmel il-poplu Malti. Il-karattru tan-nies tal-Ewwel Distrett għandu wkoll rabta speċjali mal-identità tagħna, nies qalbiena li kapaċi jgħinu fil-mumenti tal-bżonn.

F’dan il-mument, aħna għandna r-responsabbiltà li nieħdu ħsieb dak li għaddewlna missirijietna, mhux biss permezz tal-patrimonju tagħna iżda wkoll bid-deċiżjonijiet li nieħdu, liema deċiżjonijiet ikollhom impatt fuq il-pajjiż u r-reputazzjoni ta’ Malta b’mod globali.

Comments

Popular Posts