Bil-fatti nħarsu l-festi, l-identità li ssawwarna

 



 

L-ewwel jgħaffġuha mbagħad jippretendu l-grazzi għaliex ineħħu r-regolament li daħlu huma stess

“Il-festi għal qalbna. Determinati li nkomplu ngħinu lill-għaqdiet tal-festi. Il-festi huma parti mill-kultura tagħna, eċċ.” Dawn huma frażijiet li smajnihom diversi drabi minn ħafna persuni li għandhom il-poter f’pajjiżna.

Iżda l-Malti jgħid li bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Dak li assistejna għalih fl-aħħar jiem hu xhieda li kollox sar isir b’konvenjenza. Il-President tal-Kulleġġ tal-Kappillani, il-Kanonku Mario Mangion, żvela d-diffikultajiet li qed isibu quddiemhom l-għaqdiet tal-festi u l-parroċċi biex jorganizzaw il-festi marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir.

Wara sentejn li minħabba l-pandemija ma sarux il-festi tal-irħula u l-ibliet kif ukoll il-festi marbuta mal-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu, kulħadd kien qed iħares biex jirritorna jiċċelebra l-festi hekk kif il-Covid-19 beda jnaqqas mis-saħħa tiegħu.

Iżda hekk kif kulħadd laqa’ b’ottimiżmu l-aħbar li minn April jistgħu jerġgħu jibdew isiru l-festi, xi ħadd kellu l-ħsieb li jieħu vantaġġ finanzjarju minn dawn l-għaqdiet. Kif żvela l-Kanonku Mario Mangion, xi ħadd bil-moħbi, ħareġ bl-idea sublimi li l-Pulizija ma tibqax toffri s-servizz ta’ assistenza għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Dan ifisser li l-għaqdiet tal-festi jridu jħallsu huma biex fosthom jagħlqu t-toroq. Mhux biżżejjed li batew b’nuqqas ta’ introjtu fl-aħħar sentejn.

Hekk kif din l-aħbar ġiet żvelata, kienu ħafna li kkundannaw dan l-aġir li fl-opinjoni tiegħi juri nuqqas ta’ rispett lejn dawk li fil-maġġoranza assoluta tagħhom, jaħdmu b’mod volontarju biex iżommu parti mill-kultura tagħna ħajja.

Naħseb li l-awtoritajiet jinsew li biex wieħed jorganizza festa, trid ħafna sagrifiċċji, fondi u organizzazzjoni. Irnexxielhom itappnu xi ħaġa li kienet tiffunzjona. Trattawhom bħala ballun. Bagħtuhom għand Transport Malta, il-LESA u l-Kunsill Lokali.

Ma ninsewx, li b’idea oħra ġenjali tal-aħħar xhur, diġà kien hemm ħsieb biex lill-Għaqdiet Volontarji jsallbuhom b’ħafna regolamenti, mili ta’ karti fuq karti u spejjeż oħra.

Sintomatiku ta’ dan il-Gvern, wara li nkiss inkiss iddaħħlu regolamenti ġodda, isir il-perjodu tal-evalwazzjoni. Jekk ħadd ma jinduna jew ma jitkellimx, ir-regolamenti jibqgħu. Jekk ikun hemm rabja għal dik id-deċiżjoni, b’xi mod issir ħidma fittizja biex jitneħħa r-regolament u joħorġu ta’ eroj. L-ewwel jgħaffġuha imbagħad jippretendu l-grazzi għaliex ineħħu r-regolament li daħlu huma stess.

F’dan il-każ, kif mistenni, ħafna kienu dawk li kkritikaw din id-deċiżjoni. Il-Partit Nazzjonalista kien minn ta’ quddiem li appella biex titneħħa l-introduzzjoni ta’ din l-idea. Jien għaliex nitkellem ma’ dawk dilettanti tal-festi, nifhem id-diffikultajiet u l-ispejjeż finanzjarji li għandhom. Dan jonqos issa li jħabbtu wiċċhom ma’ problemi oħra.

Insaħħu dak li jagħmilna

Iżda l-PN x’qed jgħid dwar il-festi?

“Fil-viżjoni tagħna, l-identità nazzjonali hija wkoll dik li tagħmilna kburin li aħna Maltin. Fost l-elementi ewlenin tagħha hemm il-lingwa, il-wirt storiku tagħna, it-tradizzjonijiet, l-arti, il-kultura, il-festi, il-baned, l-għana, il-karnival, il-kmamar tan-nar u l-korijiet. Dawn ilkoll jgħaqqdu lil bosta Maltin u Għawdxin li għandhom passjoni kbira lejn l-identità Maltija u jużaw it-talenti tagħhom – ħafna drabi b’mod volontarju – biex dawn l-oqsma jiġu indukrati, jibqgħu sostnuti u jingħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Dawn l-oqsma jaqdu rwol ieħor fil-viżjoni tagħna għax naspiraw li jkunu parti integrali mill-identità Maltija fid-dinja. Għandna talenti u kapaċitajiet li bi kburija nistgħu nwassluhom f’kull rokna tad-dinja għax dawn – u mhux il-korruzzjoni – huma dak li jirrifletti tassew il-karattru tal-Malti u tal-Għawdxi.”

Fid-diskors li għamilt f’Birkirkara fi Frar 2021 kont tkellimt dwar kif jien flimkien ma’ sħabi se naħdmu biex inħarsu lid-dillettanti, lill-artisti tagħna li tant jaħdmu għall-festi. Kont għedt hekk:

“Ikun maħluq il-paragun bejn l-NGOs, hemm NGOs li l-irwol tagħhom jirrikjedi l-eluf kbar ta’ flus biex jiffunzjonaw, filwaqt li oħrajn jirrikjedu ftit eluf. Ma nistgħux nistennew l-istess proċeduri għal NGOs li jimpjegaw in-nies u oħrajn li jaħdmu biss fuq il-volontorjat tal-individwi. Jeħtieġ li jkun hemm distinzjoni ċara f’dan l-ambitu.”

Dan huwa l-mod kif il-Partit Nazzjonalista jittratta l-festi, il-kultura, l-identità li tagħmilna. Din hija d-differenza mill-Partit fil-Gvern, u l-PN. Il-PN irid jibqa’ jisma’, jifhem, u fir-realtà, permezz t’hekk jagħmel politika li ttejjeb u mhux ixxekkel. Dan hu l-Partit Nazzjonalista, dan hu dak li jaħdem fuqu l-PN, li jwettaq politika li ssaħħaħ kull settur, inkluż il-festi tagħna, inkluż l-identità li tagħmel lil dan in-nazzjon għażiż tagħna.

 

 

James Aaron Ellul

Kandidat tal-PN fuq l-1 Distrett

Comments

Popular Posts