Nindirizzaw l-għoli tal-ħajja

 


“F’waqtiet mhux qed ikolli biex ngħaddi sal-aħħar tax-xahar, imnalla jtuni xi ħaġa ommi u missieri, għalkemm dawk ftit jistgħu jgħinu mill-pensjoni  li għandhom”

Din sfortunatament hija waħda mill-aktar stqarrijiet li sirt nisma’ meta nkun qed inżur lin-nies, kemm fil-komunità u kif ukoll fi djarhom, bil-piż tal-għoli tal-ħajja kull ma jmur qed jiżdied, speċjalment fuq il-familji li qed irabbu.

Fl-aħħar jiem rajna żieda drastika fil-prodotti tal-ħalib bil-Gvern għadu bla pjan dwar kif se tittaffa t-tbatija fuq il-poplu Malti u Għawdxi.  Matul ix-xhur li għaddew diġà kellna żidiet fil-prezz tal-ħobż, il-butir u prodotti tal-ħasil – u issa n-nies qed jesperjenzaw żieda fil-prezz tal-prodotti tal-ħalib li tvarja bejn 10 ċenteżmi u €2.60ċ. Fl-aħħar ġranet rajna wkoll rapporti indipendenti jindikaw li l-prodotti l-aktar essenzjali se jkunu qed jogħlew fix-xhur li ġejjin.

Ir-realtà tal-esperjenzi ta’ bosta

Fl-aħħar tas-sena rajna stqarrijiet minn bosta dwar l-għoli tal-ħajja, b'uħud jindikaw li qed jaraw persuni li qed jaħdmu fi impjieg full time, u anki part-time u xorta mhux ilaħħqu. Infatti kelliem għall-Alleanza Kontra l-Faqar kien qal li s-sistema tal-pagi f'Malta qed tittradihom.

Din l-esperjenza anki jien qed insibha tul iz-zjarat li qed nagħmel fl-1 Distrett. Esperjenza li anki rajtha f'dar fil-Ħamrun tul żjara f'Diċembru, fejn missier sa anki urini l-paylslips tiegħu, imbikkem jgħidli li minn nofs tax-xahar jibda jitlob biex jgħaddi ż-żmien biex tidħol il-paga. L-omm saħqet miegħi li allaħares jinqalgħu spejjeż addizzjonali għax ma jkunux jafu minn fejn se jħallsuhom, inkluż ħsara fl-appliances tad-dar jew anki xi proġett ta' uliedhom tal-iskola.

Nemmen li hemm ħafna xi jsir, l-ewwel nett billi naraw kif il-pagi f'bosta setturi baqgħu staġnati. Dan mhux skuża tal-Covid-19, għax is-sitwazzjoni kienet ilha hekk minn ferm qabel. Jeħtieġ ninvestu bis-serjetà fil-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin biex kulħadd ikollu l-ambizzjoni ta' paga aħjar.

Id-dejn straordinarju fi żmien il-pandemija, u mhux biss, imma anki l-aħħar skandli tal-Gvern, fosthom il-bejgħ tat-tliet sptarijiet u l-kuntratt tal-Electrogas, qed jiswew lilna lkoll il-miljuni. Dan kollu huwa ta’ piż kbir fuqna. 

Għal ċertu problemi ma jistax il-Gvern jibqa’ jwaħħal fil-pandemija tal-Covid-19. Ir-riskju ta’ 80,000 elf f’riskju tal-faqar kien hemm qabel l-2020. Illum qed naraw li dan l-ammont żdied u għalhekk li l-PN lura fl-2020 kien ħabbar li jrid li titwaqqaf il-Poverty Watch Unit, biex tkun ta’ sapport dirett lil dawk f’pajjiżna li jinsabu fir-riskju ta’ faqar.

Fid-dawl ta’ dawn in-numri, il-YMCA fl-aħħar xhur sa anki pproponiet li l-paga minima tiżdied għal €1,000 fix-xahar. Dan inkonsiderazzjoni tal-kirjiet li qegħdin inaqqru persentaġġi sostanzjali mill-pagi tal-familji l-aktar vulnerabbli u li jeħtieġu s-soluzzjonijiet minn min qiegħed imexxi l-pajjiż.

Sistema li mhux taħdem, pjaga fuq ħafna

Fil-preżent il-gvern qiegħed jgħid li għandna full employment. Tajjeb, riżultat sabiħ. Iżda kif għandna full employment?

Is-sitwazzjoni tidher waħda artifiċjali, b’ħafna mill-impjiegi “ġodda” ġġeneraw biss fis-settur pubbliku. Iżda kemm nifilħu nagħtu aktar lil dan is-settur?

Nemmen li jista’ jsir investiment aħjar f’setturi oħra, b’tama li anki jinħolqu setturi ġodda. Xi ħaġa li l-Gvern Laburista naqas milli jagħmel fl-aħħar snin.

Naħdmu biex innaqsu dan il-piż

Nemmen li l-ewwel pass għandu jkun li naċċettaw li hawn din l-isfida. Insib l-ironija fl-azzjoni meta membri tal-Gvern jgħidu li l-għoli tal-ħajja mhux jinħass, jew mhux veru, iżda fi żmien il-Milied ġbarna mijiet ta’ rigali biex intuhom lil dawk it-tfal l-aktar fil-bżonn. La hawn il-bżonn, sinjal li hawn il-problemi. Sinjal li hawn l-isfidi soċjali partikolarment finanzjarji li jiinħassu iżjed fuq il-faxxa tas-soċjetà li l-iżjed għandha bżonn għajnuna.

Nemmen li jeħtieġ  li jkollna sistema ta’ pensjonijiet diċenti li jkollna sistema li tindirizza r-rata allarmanti ta’ faqar u ta’ riskju tal-faqar fost il-pensjonanti. Tfisser titjib fil-kalkolu tal-pensjonijiet tal-NI u pensjonijiet diċenti li jaħdmu id f’id ukoll ma’ titjib fil-mekkaniżmu tal-COLA.

Dan jikkontribwixxu għal żidiet gradwali aktar realistiċi, u ma’ miżuri speċifiċi li jindirizzaw l-inflazzjoni tal-oġġetti bażiċi.

Irridu noffru impjiegi ta' kwalità, u jkunu maħluqa setturi ġodda li jrendu, u mhux itappnu l-isem ta' Malta tagħna.

Għall-għoli tal-ħajja, il-PN qed jipproponi li         jitwaqqaf fond nazzjonali, intiż biex il-Gvern jassisti lill-industrija lokali, lill-imprendituri u l-SMEs sabiex jitnaqqsulhom id-diffikultajiet u spejjeż żejda kkawżati mill-insularità ta' gżiritna. Id-daqs ta’ dan il-fond ivarja minn sena għall-oħra u jiddependi fuq mekkaniżmu maqbul mal-korpi kostitwiti rilevanti f’dan il-qasam.

Il-PN qed jipproponi wkoll li jsir l-investiment neċessarju f'intermodal hub internazzjonali strateġiku u ħolistiku li jgħaqqad il-merkanzijja trasportata b'modi differenti minn u lejn pajjiżna.

Din il-viżjoni hija waħda li se tgħin lis-soċjetà. Iżda mill-ġdid intenni, biex insolvu l-isfidi, jeħtieġ li l-ewwel naċċettaw li hawn l-isfidi. Il-PN huwa konxju ta’ dan, bħala kandidat se nibqa’ nkun viċin tagħkom biex il-PN jibqa’ saqajh mal-art, flimkien mal-poplu Malti.

Artiklu li deher fuq In-Nazzjon tat-2 ta' Frar. 



Comments

Popular Posts