L-għoli tal-ħajja: Sistema li mhux taħdem, pjaga fuq ħafna

“Meta tara persuna li qed tagħmel dak li hu mitlub minnha, taħdem 40 siegħa, jagħmlu part-time, u xorta
jibqgħu f’riskju ta’ faqar, hemmhekk qed nindunaw li s-sistema tal-pagi f’Malta
qed tittradihom”
Din kienet waħda mill-istqarrijiet li għamel Matthew Borg mill-Alleanza
Kontra l-Faqar jiem ilu dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna, dwar kif ħafna llum
il-ġurnata qed jaffrontaw l-isfida tal-għoli tal-ħajja. Esperjenza li ħafna qed
jaqsmu miegħi anki tul iż-żjarat u fil-laqgħat li qed ikolli man-nies,
speċjalment dawk residenti fl-1 Distrett. Sitwazzjoni ta’ tħassib li kull ma
jmur qed tolqot mhux biss il-faxxa ta’ dawk li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ faqar,
imma li qed tolqot b’mod partikolari anki lill-klassi medja ta’ pajjiżna,
bl-ispejjeż għall-familji u l-anzjani jkomplu jiżdiedu.
Meta l-ħajja togħla, l-ewwel li jieħdu d-daqqa huma dawk l-aktar
vulnerbabbli. Mhux se noqgħod nikkwota l-istħarriġ tal-NSO jew tal-Eurostat,
illum nafu kemm li hemm żieda fil-prezzijiet tal-ikel, dawk l-aktar essenzjali,
il-poplu qed ibati, iżda aħna bħala politiċi, bħala PN x'qed nipproponu?
Huwa ċar li jeħtieġ li jkun hemm żieda fil-pagi, fl-aħħar snin Malta kellha
l-pagi staġnati: l-anqas rata ta’ żieda fil-pagi fost il-membri kollha
tal-Unjoni Ewropea.
Jien personali nemmen li jeħtieġ li hemm reviżjoni tal-COLA, (il-Cost of Linving Adjustment)
il-mekkaniżmu li permezz tiegħu tingħata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja f’kull
baġit. Rakkomandazzjoni li saret ukoll mill-Caritas u anki mill-imsieħba
soċjali.
Insofru l-inġustizzji
Fl-aħħar jiem rajna fl-1 Distrett rajna żewġ eżempji tal-mod kif dan
il-Gvern Laburista qed jgħaddi bħal gaffa fuq kulħadd. L-ewwel każ kien
il-platform fi Strada Merkanti, bl-Awtorità tat-Turiżmu toħroġ il-permess
tagħha li jkolli ngħid li din l-Awtorità issa ilha s-snin tiġi tgħaddi minn
għajn il-labra lir-residenti Beltin.
Jien fl-appell tiegħi dejjem sħaqt għal bilanċ, bil-Belt Kapitali u
l-Beltin bħalissa qed ibatu l-konsegwenzi għan-nuqqas tal-awtoritajiet, għax
qishom kuntenti li l-Beltin jitkeċċew minn belthom u kuntenti li fil-Belt aktar
qed ngħaddu lok għall-kummerċ milli nżommu l-komunità ħajja u l-identità
tal-Kapitali. Dan l-aħħar messaġġ nisħqu wkoll għall-Floriana, il-Ħamrun u
l-Marsa, li wkoll qed ibatu minn sfidi simili, inkluż dik ta’ riġenerazzjoni
tal-komunità.
Jum wara kien imiss li l-inġustizzja ssir mal-Marsin. Mill-ġdid nuqqas ta'
konsultazzjoni li minħabba f'hekk residenti, negozji u ħaddiema qed ibatu
l-konsegwenzi għalihom. Triq li eliminawlha l-ħruġ, kważi kważi lanqas
ħallewlhom alternattiva ta' kif jistgħu joħorġu minn djarhom, jew post ieħor
fejn jgħixu u jaħdmu. Residenti spiċċaw maqfulha fid-djar tagħhom, u biex
jingħaqdu mal-kumplament tal-lokal iridu jimxu kilometru biex forsi jkunu
jistgħu jaqsmu.
Jeħtieġ li fil-politika tagħna, inħarsu lir-residenti, l-aċċessibbiltà minn
djarhom mal-kumplament u viċi-versa. Ma rridu nħallu ‘l-ħadd lura. Irridu
nirrapreżentaw u nħarsu lil kulħadd.
Inħarsu l-edukazzjoni
Bħala persuna li għamilt żmien ngħallem, ma nistax ma nħarisx lejn dak li
propona l-PN. Fl-aħħar snin, rajna żieda allarmanti fir-rata ta’ early school
leavers. F’wieħed mill-aħħar artikli li ktibt, indikajt li jeħtieġ li jkun hemm
aktar investiment fl-edukazzjoni tal-etajiet bikrija bejn 0-7 snin, għax dan
huwa l-pedament.
F’sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba, dan il-punt kien imtenni bosta drabi,
u rajna wkoll kif il-PN nieda għadd ta’ proposti li jħarsu l-edukaturi.
Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmilha ċara, PN fil-Gvern se jkun qed iġib
riforma radikali fis-salarji u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi.
Fil-politika tiegħu l-Partit Nazzjonalista qed ipoġġi lill-bniedem
fiċ-ċentru u dan l-atteġġjament, aħna bħala politiċi, bħala individiwi għandna
nkomplu nemmnuh u nsostnuh.
Meta ngħidu li Partit jiġġedded ma jfissirx biss li jkollu uċuh ġodda, iżda
li jkun hemm tiġdid fl-ideat, fil-mod kif isir il-ħsieb. Nemmen li filwaqt li
għandna nibgħu nħaddnu dak li jagħmel tajjeb il-prinċipji u l-valuri tal-PN,
aħna bħala żgħażagħ, bħala politiċi għandna nkunu innovattivi fil-mod kif
infasslu l-politika ta’ issa u tal-ġejjieni.
Artiklu li deher fil-gazzetta in-Nazzjon tal-5 ta' Ottubru 2021.
Comments
Post a Comment