Inħarsu l-ġejjieni

 




Fiż-żjarat li qed nagħmel fl-1 Distrett, laqatni kumment minn resident partikolari fil-Ħamrun fejn qalli li bħala politiċi irridu naħdmu biex inkunu l-gwida ta’ issa, u tal-futur. Fil-ħidma politika kontinwament qed niltaqa’ man-nies, li mhux iħaddnu twemmin Nazzjonalista li qed iffitxu l-onestà u r-responsabbiltà fil-politiċi tal-lum.

Fil-ħidma li aħna nwettqu rridu nkunu responsabbli li fuq kollox inħarsu liċ-ċittadini tal-lum, u anki ta’ għada u pitgħada.

L-għażla naturali għall-investiment

Is-sitwazzjoni kurrenti f’pajjiżna hija ta’ tħassib, b’Malta tinsab fuq il-lista l-griża tal-FATF, b’riperkussjonijiet li forsi llum mhux narawhom, imma ‘l quddiem se jkunu viżibbli mhux ħażin jekk ma tittiħiedx azzjoni mill-aktar fis.  Meta ngħid li viżibbilment illum mhux narawhom, għas-sempliċi fatt li għal ħafna l-ħajja baqgħet għaddejja normali, bi ftit li xejn tibdiliet, forsi għajr biss għar-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-imxija. Madanakollu l-impatt ekonomiku li din il-lista griża ġabet u se ġġib fuqna jekk l-affarjiet ma jinbiddlux huma ħafna.

Ftit jiem ilu kont qed nitkellem ma’ persuna li hu midħla sew tan-negozju, u wera l-preokupazzjoni tiegħu fuq kif sħabu barranin fin-negozju bdew isaqsu dwar il-lista l-griża. Uħud sa anki bdew jitħassbu jekk għandhomx jibqgħu jinvestu fin-negozju ta’ pajjiżna. Dan huwa biss eżempju wieħed minn ħafna.

Huwa evidenti li pajjiżna ma jistax jistenna 18-il xahar biex jerġa’ jkun fuq il-lista l-bajda tal-FATF. Malta teħtieġ li jkollna investiment li jifjorixxi. Investiment li anki ġej ‘il bogħod minn xtutna li tant ħdimna għalih bħala poplu fl-aħħar snin. Investiment li huwa frott ta’ reputazzjoni li darba kellna.

Malta trid terġa’ tikseb il-fama li kellha, ta’ pajjiż responsabbli, pajjiż li m’għandux mazra fuq għonqu, li jekk din taqa’ fuqna, tħalli riperkussjonijiet kbar. Irridu li mill-ġdid pajjiżna jkun l-għażla naturali għall-investiment. Li Malta terġa’ tkun tassew fost l-aqwa fl-Ewropa fis-setturi kollha.

Poplu li jħaddan l-għarfien

Jeħtieg li naħdmu aktar biex inħeġġu lil uliedna jkomplu jitgħallmu, jistudjaw u jitħarrġu. L-aħħar ċifra tal-NSO turi li kien hemm nuqqas fl-istudenti li jkomplu jistudjaw fis-Sixth Form, u kif ukoll numri mhux sbieħ fl-Early School Leavers. Personalment nemmen li għandu:

▪Ikun hemm aktar kuntatt kontinwu mal-għalliema li huma aktar kapaċi li jiddentifikaw il-problemi ta' dan is-settur għaliex huma jgħixuhom kuljum

▪Aktar investiment fl-etajiet bejn iz-0 u s-7 snin għax dan huwa l-pedament

▪Investiment mhux biss fil-'ġebla' iżda fir-risorzi umani, l-għalliema

Mill-kuntatt li qed ikolli, u mill-esperjenza li kelli bħala edukatur, qed ninnota aktar li għal uħud is-sistema kif inhi mhux tolqothom, u mhux tħeġġiġhom ikomplu jistudjaw. Nemmen  bis-sħiħ li meta nwettqu xi riforma ma nistgħux nibqgħu nħarsu biss lejn dak akkademiku, iżda jeħtieġ li l-iskejjel tagħna jingħataw aktar riżorsi biex jaħdmu u jiffunzjonaw.

Napprezzaw l-ambjent ta’ madwarna

Meta nitkellem fuq l-ambjent ma nistax ma nħarisx lejn il-politika tal-1 Distrett, iċ-ċentru ta’ Malta, li hu mgħoni b’identità liema bħalha. Madankollu ma nistax ma nħarisx fuq kif l-ambjent fl-inħawi tal-Port il-Kbir qed ikun kontinwament imjassar. Rajna kif ċertu vapuri li qed jidħlu max-xatt tal-Belt u l-Floriana, u l-impatt negattiv li qed iħallu fuq ir-residenti tal-madwar, bi dħaħen u tniġġis insapportibbli.

Fl-aħħar jiem smajna l-aħbar sabiħa li tneħħew it-tankijiet tal-fuel f'Birżebbugia. Ħafna aktar tajjeb ukoll jekk fuq l-istess kriterji ma jsirux it-tankijiet tat-tindif taz-zejt fil-Marsa. Hemmhekk ikollna aħbar tajba oħra, fejn se nkunu qed inħarsu r-residenti u z-zona.

La semmejt il-Marsa ma nistax ma nħarisx fuq dak li ġie irrapurtat fl-aħħar jiem dwar kif il-Gvern irid li jkun jkun hemm estensjoni tal-permess għall-użu tal-Powerstation tal-Marsa.

▪Il-poplu Marsi kien imwiegħed li l-ispazju tal-powerstation, issa jsir wieħed pubbliku. Dan baqa' ma sarx. X'qed nistennew?

▪Għaliex il-Gvern mhux jikkunsidra li juża aktar l-interconnector? Dwar dan saqsejt anki lill-Ministri f'isem Net News, u bqajna bla tweġiba.

▪Jekk għandna l-powerstation tal-gass, li swietna bħala poplu l-miljuni... Għala għandna nżommu dik tal-Marsa? 

Għalissa se nieqaf, iżda nixtieq nagħlaq b’dak li bdejt bih, u t-titlu ta’ dan l-artiklu. Malta teħtieġ politiċi li jħarsu kemm ‘il-preżent u wisq aktar ‘il-ġejjieni tagħna. Din hija r-responsabbiltà fil-politika li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista permezz tal-ħidma, l-ideat u l-proposti li spiss qed iwettaq.

Jeħtieġ li bħala Partit ninżlu aktar fit-toroq, nifhmu l-isfidi li ta’ kuljum il-poplu Malti u Għawdxi qed iħabbat ma’ wiċċu. Nitkellmu ma’ dak iċ-ċittadin silenzjuz, osservatur, li jixtieq li xi ħadd jitkellem u jaqbeż għalih. Għalhekk dħalt fil-politika, għalhekk jien parti mill-PN, biex nagħmel dak kollu possibbli li nħares  l-interess ta’ Malta tagħna, l-interess tal-poplu Malti ta’ issa, u ta’ għada.

Artiklu li deher fuq in-Nazzjon tat-3 ta' Awwissu. 




Comments

Popular Posts