Politika li tisma’ u tifhem

 




Fl-aħħar jiem erġajna bdejna nduqu n-normalità li xi darba konna nafu, għalkemm nafu lkoll li d-definizzjoni tan-normalità nbiddlet. F’waqtiet naħseb li mil-lum ‘il quddiem in-normalità li konna nafu mhux se terġa’ tiġi mill-aktar fis. L-impatt tal-pandemija fuq id-dinja huwa mdaqqas, u l-istess fuq Malta tagħna, fuq il-poplu, is-saħħa u l-ekonomija.

Sfortunatament illum qed inbatu mhux biss l-impatt tal-imxija, iżda qed inbatu wkoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ pjanar mill-Gvern Laburista f’bosta setturi, inkluż dak tas-saħħa mentali. Professjonisti qed jindikaw li l-impatt tal-Covid fuq dan is-settur mhux inħass tul l-għeqel tal-imxija, iżda se jinħass aktar wara. Ma jistax ikun dan is-settur jibqa’ jingħata bis-sieq, jew inkella jintqalu stqarrijiet li dan is-settur jinsab fi stat tajjeb. Is-settur tas-saħħa mentali ma jinsabx fi stat tajjeb, u baqa’ għaddej grazzi għad-dedikazzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa li qed jagħmlu minn kollox biex jassistu lill-pazjenti b’diffikultajiet fis-saħħa mentali. Jeħtieġ li llum qabel għada l-politika tagħna tindirizza bis-sħiħ lil dan is-settur li hu tant u tant kruċjali.

Fil-ġimgħa li għaddiet kelli kuntatt ma’ numru ta’ sidien tal-ħwienet u anki ristoranti, speċjalment dawk tal-1 Distrett. Huma bosta li għandhom il-qalb li r-rota se tibda ddur, iżda lkoll qed jgħiduli li qed ibatu mhux ftit biex ibiegħu l-prodott tagħhom, u li l-bejgħ naqas b’mod drastiku. Bir-raġun li jkun hemm din ir-reazzjoni, iżda x’soluzzjonijiet aħna se nkunu qed nagħtu? Il-vouchers għenu, u se jgħinu, iżda huma biżżejjed? Użgur li le. Insostni l-idea li qed jimbotta ‘l quddiem il-PN, għal sistema ta’ taxxa aktar moderna, u ġusta man-negozji, iżda wkoll ma rridux nieqfu hawn.

Bħala PN qed nippreżentaw proposti li qed jgħinu lil kull settur, iżda mhux biss irridu nagħtu dik id-daqqa t’id, iżda issa rridu nkunu kapaċi li l-id t’għajnuna tistimula rkupru u tinkoraġixxi t-tkabbir u s-sostenibbiltà tan-negozji Maltin.

Il-propost rilokazzjoni tat-tankijiet taż-żejt fil-Marsa

Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-Floriana tlabt biex bħala Kunsill nitolbu Environmental Impact Assesment (EIA) tar-rilokazzjoni tat-tankijiet taż-żejt. Tlabt dan għax irrid nara jekk saħħet ir-residenti kinitx prijorità, biex nara jekk qabel ġie propost it-trasferiment tat-tankijiet saħħet in-nies kinitx kunsidrata. Tlabt dan għax fejn hemm maħsub li jpoġġu t-tankijiet mhux biss se tkun qed tolqot lill-Marsin, iżda se jkunu taħt is-swar Furjaniżi.

Wara dawn id-domandi ġejt infurmat li l-Kunsill Furjaniż se jkun qed jikkordina l-ħidma tiegħu ma' dak Marsi biex naraw it-triq 'il quddiem u nħarsu lir-residenti.

Huwa ċar li dan mhuwiex il-pjan ta' riġenerazzjoni li ilu jwiegħed il-Gvern Laburista lill-Marsa u lil-lokalitajiet kollha tal-ewwel Distrett. Ir-rilokazzjoni tat-tankijiet mhu se jgħinu lill-ebda lokalità fid-distrett tiegħi biex jibdew jieħdu r-ruħ u tibda ssir riġenerazzjoni denja tal-identità tagħna.  

Illum jien kandidat distrettwali, iżda ma nistax ma nħarisx lejn dak li għamilt bħala Kunsillier fil-Floriana fosthom fejn għamilt anki pressjoni flimkien ma’ bosta, biex sa fl-aħħar il-vapuri u l-bastimenti li jidħlu fil-Port il-Kbir ma jibqgħux jarmu ċertu emissjonijiet, dan sa issa għadu ma sarx, u għadni nara u nirċievi ritratti tat-tniġġis.

Għal grazzja t’Alla issa qed jidher li dan għandu jsir fil-futur qarib. Iż-żmien tana raġun. Jekk dan isir, ir-residenti tal-Belt Valletta, il-Floriana, il-Ħamrun u l-Marsa se nkunu żgur qed nieħdu ftit aktar tar-ruħ. Azzjonai bħal din iżda naraha konfliġenti li għax issa sa fl-aħħar il-Port il-Kbir se jkun ħieles mit-tniġġis tal-vapuri, il-Gvern se jkun qed jagħti lill-1 Distrett problema oħra tat-tniġġis fi ħdanu, dik tat-tindif tat-tankijiet taż-żejt fil-Marsa.

Politika li toħloq l-opportunitajiet

Tul l-aħħar ta’ April u l-bidu ta’ Mejju l-PN iltaqa’ ma għadd ta’ ħaddiema, tkellem u semgħa. Il-PN qed jaħdem biex wara kollox inħarsu lill-ħaddiema u nagħtu għajnuna lil kull ħaddiem biex ntejbu l-qagħda tax-xogħol tagħhom.

Kull tip ta’ xogħol fis-soċjetà huwa importanti u bżonnjuż, jien irrid soċjetà li tagħti valur lil kull xogħol

Jeħtieġ li jkun hemm aktar bilanċ bejn ix-xogħol, il-ħajja u l-familja. In-nies li qed nagħmel kuntatt magħhom huma diversi ħaddiema li qed juru t-tħassib tagħhom li llum m’għandhomx ħin għall-familja. Dan huwa nkwetanti ħafna. Huwa dejjem kruċjali li l-ħaddiema jkomplu jitħarrġu, li jkabbru l-għarfien tagħhom, li jmorru għax-xogħol, li wara kollox jagħmlu xogħol sew, iżda jeħtieġ li ngħinu kemm jista’ jkun biex ikun hemm titjib fil-pagi tal-ħaddiema kollha, u li nagħtu kull għajnuna possibbli biex ma jitnaqqasx il-ħin mal-familja  

Kull meta nħarsu lejn l-istatistika tal-early school leavers, inkun onest ftit li xejn nieħu gost, pajjiżna jinsab fil-quċċata ta’ din il-lista u din hija weġgħa ta’ qalb. Jeħtieġ li ninċentivaw aktar liż-żgħażagħ ikomplu jkabbru l-għarfien tagħhom, quddiem dan kollu rridu nagħtu iktar opportunitajiet lil uliedna ħalli meta jikbru jkunu offruti l-aqwa opportunitajiet ta’ xogħol.

It-triq ‘il quddiem

Dawn il-punti li semmejt hawn fuq, huma biss ftit ma’ dak li qed niltaqa’ ta’ kuljum fil-ħidma poltika tiegħi, iżda lkoll huma kruċjali. Bħala poplu rridu nifhmu li lkoll qed ngħixu f’art waħda, katina waħda, li kroll ta’ dekasteru partikolari se taffetwa lil kulħadd, min bil-ftit u min bil-ħafna.

Il-politika tagħna issa trid tinbena aktar u aktar fuq dak li qed jgħidulna n-nies, fuq riċerka u studji li wara kollox huma mibnija fuq qafas fattwali. Bħala politiku ġdid, żagħżugħ, se nibqa’ naħdem biex inressaq lill-poplu li nirrapreżenta lejn il-Partit Nazzjonalista. Irridu nuru aktar u aktar li fuq kollox il-politika tal-PN hija politika li tisma’ lin-nies u li qed tirrifletti l-polz tan-nies. Irridu nibqgħu nirrapreżentaw u nħaddnu l-prinċipji li jagħmluna, iżda fl-istess waqt nisimgħu lil kulħadd, biex noffru politika ta’ fejda, ta’ valur.

Comments

Popular Posts