Inħarsu lil dak kollu li jagħmel lill-1 Distrett

 

Ninsab fil-politika biex inservi, biex naħdem għal dak li hu tajjeb. Ma’ kull ġurnata li niltaqa’ ma nies ġodda qed nibda nifhem aktar is-sabiħ tad-distrett tagħna, u kif ukoll l-isfidi li ħafna qed isibu ta’ kuljum.

Bil-kuntatt, bis-smiegħ u bi ħsieb konvint li nistgħu ntejbu ħajjet l-Ewwel Distrett. Din hija l-politika tal-PN.

Is-sitwazzjoni fil-Marsa

Il-Marsa llum qed tilqa' mhux biss il-problemi lokali li jkollha kull lokalità, kull komunità ħajja, iżda qed iġġorr piż Nazzjonali.

Ma nistax ma niktibx fuq l-aħħar żviluppi dwar it-tankijiet li mir-Rinella se jimxu lejn il-Marsa. Inkun onest, apparti l-fatt li konsultazzjoni ma saret ftit li xejn, jew saret tard wisq, jew id-deċizzjoni kienet sfurzata fuq il-popli Marsi, imma li hu fatt hu li l-Marsa ma tiflaħx għal aktar. Dwar dan kont minn tal-ewwel li tkellimt eżatt x'ħin sirt naf bl-aħbar u se nibqa' ninsisti li wara kollox inkun leħen il-Marsin ġenwini.

Il-Marsa ma tiflaħx għal aktar piżijiet, id-distrett ma jiflaħx għal aktar sfidi

Jeħtieġ li fil-politika tagħna ngħinu lill-Marsa, infittxu li noffru aktar sigurtà fiz-zona, noffru aktar skemi biex inħeġġu liż-żgħażagħ u l-familji jibqgħu fil-lokalità. B'din il-politika l-Marsa tista' tieħu r-ruħ u l-idenitità Marsija tibqa' ħajja.

Għalissa dwar dan, sa issa se nikteb sa hawn, ‘il quddiem se nikteb dak li qed jgħiduli ta’ kuljum il-Marsin.

L-ambjent tagħna

L-ambjent tal-Ewwel Distrett kontinwament qed ikun mhedded. Iċ-ċentru ta’ Malta, ismu miegħu, ċentrali għax jagħti servizz. Iżda kemm fir-realtà qed isir ivestiment biex intejbu ħajjet ir-residenti li nagħmlu parti mill-Ewwel Distrett. F’artiklu li ktibt fuq din il-gazzetta nhar il-Ħamis 25 ta' Marzu 2021 ktibt numru ta’ proposti li proponejt jien, u oħrajn li ilhom ikunu mwiegħda żmien u għomor. Jeħtieġ li dawn l-ideat, issa jkunu implimentati. Iċ-ċentru qed jagħti ħafna lil pajjiżna, jeħtieġ li llum qabel għada issa jingħata l-attenzjoni li hija tant u tant meħtieġa.

Dwar tajjeb li iżda l-proġetti li jkunu proposti jkunu studjati, riċentament rajt anki posts fuq Facebook t’aspirazzjoni ta’ proġetti, jeħtieġ dejjem iżda li mhux insolvu problema naħa, u nitfugħa band’oħra. Fil-politika tagħna jeħtieġ li jgawdi minnha kulħadd, u li ma nżommu lil ħadd lura.

Riġenerazzjoni tad-Distrett

L-Ewwel Distrett qed jaffaċċja problema kbira ta' riġenerazzjoni, l-identità tal-lokalitajiet rikki qed tintilef għax il-qalb tal-lokal qed tmut. Kif semmejt fuq fuq f’dan l-artiklu nemmen bis-sħiħ li l-PN jista' joffri pjan ta' riġenerazzjoni għall-1 Distrett. Il-lokalitajiet tal-Belt Valletta, il-Floriana, il-Ħamrun, il-Marsa, Santa Venera, Tal-Pietà u G’Mangia, jixirqilhom aħjar.

X'nistgħu nagħmlu imma biex inħarsu l-komunità?

Għaliex ma noffrux aktar inċentivi lill-First time buyers fil-lokalitajiet li l-aktar qed ibatu. Il-prezzijiet tal-proprjetà għalina ż-żgħażagħ qed insibuhom ta' sfida kbira, jeħtieġ li nagħtu għajnuna biex dawk li jrid li jkollhom familja, ngħinuhom biex jixtru proprjetà u jibqgħu fil-lokalitajiet li huma tagħhom.Din il-proposta kont ħabbartha fid-diskors li kont wettaqt tul attività politika tal-PN.  

Nagħtu ħajja mill-ġdid lill-komunitajiet tal-1 Distrett

Din il-proposta hija waħda ta’ benefiċċju li tgħin mhux ftit, u żgur li hemm proposti oħrajn li nistgħu nehmżu fil-programm elettorali tal-PN biex wara kollox inħarsu l-qalb, l-identità tal-lokalitajiet tagħna.

Nieħdu ħsieb lill-batut

F’pajjiżna rridu nieħdu ħsieb lil dawk vulnerabbli. Lill-pensjonanti. Lil dawk li d-dħul tagħhom mhux biżżejjed biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar. Irridu nħarsu wkoll lill-foqra u lil dawk li jinsabu f'xifer il-faqar. Dawn il-problemi huma reali, u ta’ kuljum qed insib quddiem wiċċi dawn l-isfidi li ħafna qed jgħixu ġurnata b’ġurnata.

Ma nistgħux nibqgħu nħarsu biss lejn dawk l-affarjiet li l-aktar jagħmlu ħoss, imma irridu wkoll nuru solidarjetà maż-żgħir u l-batut. Irridu nfittxu li bħala Partit Nazzjonalista nkomplu ngħinu lir-ruħ soċjali.

Il-ħidma fil-PN mhux taqta’. Evidenti li l-PN qed jersaq viċin il-poplu, iżda ma nistgħux nieqfu hawnhekk. Il-ħidma trid tissokta biex bħala Partit, bħala politiċi nkunu l-vuċi tar-raġuni.

Bl-involviment ta’ kulħadd il-Partit Nazzjonalista jista’ jersaq aktar lejn is-soċjetà, u nemmen li b’rieda tajba, il-politika Nazzjonalista, il-politika veritiera, taf mill-ġdid terġa’ tkun fit-tmum ta’ dan in-Nazzjon ħabrieki.

Ikun ta’ pjaċir jekk xi ħadd ikun jixtieq li jkellimni ma jiddejjaq xejn jikkuntajani fuq jamesaaronellul@gmail,com. Dejjem sabiħ meta naqsmu il-ħsibijiet tagħna flimkien.

Artiklu li deher fuq in-Nazzjon nhar l-Erbgħa 28 ta' April, 2021

Comments

Popular Posts