Għani fl-identità, fqir fil-ġustizzja soċjali

 

Kommess li naħdem għall-Ewwel Distrett

Bir-realtajiet li qed inħabbtu wiċċna magħhom ma nistgħux nibqgħu siekta. Irridu nitkellmu biex jiżdied l-għarfien dwar l-isfidi li hawn fl-Ewwel Distrett, iżda wkoll noffru wkoll is-soluzzjonijiet biex dawn l-isfidi nagħmluhom opportunitajiet biex ntejbu ħajjitna.

Kif indikajt fid-diskors li wassalt il-Ħadd li għadda f’Birkirkara, bi kburija jien kandidat  f’isem il-PN, kburi li għandi l-privileġġ li nservi lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, iżda b’mod partikolari se nkun qed nirrapreżenta lin-nies tal-ewwel distrett, iċ-ċentru ta’ pajjiżna. Id-distrett tal-Belt Valletta, il-Floriana, il-Ħamrun, il-Marsa, Santa Venera, Tal-Pietà u Gwardamangia.

Illum iżda x’sar minnu dan id-distrett li hu l-benniena tal-istituzzjonijiet, tal-Gvern, tat-tmexxija? Xi sfidi qed insibu aħna r-residenti tal-Ewwel distrett? Nistħajjel li ħafna jgħidu la ninsabu daqshekk viċin it-tmexxija ta’ pajjiżna, kollox miexi fuq ir-rubini, iżda sfortunatament is-sitwazzjoni mhux hekk.

·        Ftit ‘il fuq mill-Parlament, tinżel fil-qalb tal-Kapitali, u f’numru ta’ lokalitajiet oħra fil-madwar, hemm familji li mhux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, mal-kera, b’uħud minnhom  ma jafux jekk hux se jispiċċaw barra fit-triq. Uħud sa anki jħallsu kera ta’ mijiet, għal 3 ikmamar, li biex tasal għalihom trid titla’ 4 sulari taraġ.

·        Tmur fil-Floriana u ssib nies li għandhom il-kċejjen tagħhom fil-kantini, qalb l-umdità, u f’waqtiet ikunu esposti għat-tniġġis tal-vetturi, u mill-ġdid iħallsu kera ta’ mijiet fix-xahar. Dan mhux biss qed ngħidu fuq esperjenzi li għext, iżda fl-aħħar jiem studju tal-Caritas wera li familja medja ma tistax tlaħħaq mal-ispejjez ta’ ħajja bażika u diċenti.

·        Immorru fil-Ħamrun, il-Marsa,Tal-Pietà u G’Mangia, nsibu lil dik il-mara, lil dawk l-anzjani li filgħaxija qed jibżgħu joħroġu minn djarhom għax mhux iħossuhom sikuri, bil-korp tal-pulizija mifni jipprova jagħmel minn kollox biex iħares liċ-ċittadin, iżda m’għandux risorżi biżejjed.

·        L-istess lokalitajiet li semmejt huma mifnija bit-tniġġis fl-arja, bil-pulmun tagħhom mifni bi problemi tal-ażma, bil-Gvern jitratieni biex isaqqaf u jħaddar Triq Reġjonali f’Santa Venera u ma jlissen l-ebda kelma dwar il-problema ta’ parkeġġ li hawn f’dawn il-lokalitajiet rispettivi.

Dawn huma uħud mill-ħafna sfidi li aħna qed insibu ma’ wiċċna,  dan huwa l-faqar moħbi, l-inġustizzji li qed isiru fis-silenzju tal-medda taż-żmien.


Madanakollu meta jien inħares lejn l-ewwel distrett u mhux biss nara dawn l-isfidi, iżda nara wirt kbir, sinjur, li ċ-ċentru ta’ pajjiżna huwa mgħoni bihom, li jagħtu identità; id-dilletanti tal-Karnival li f’dawn il-jiem xorta waħda qed jagħtu spettaklu f’mod ristrett, lil dawk tal-festi u lil dawk sportivi, futbol, waterpolo, regatta, boċċi eċċ.

B’dieqa kbira ntenni iżda li din l-identità f’waqtiet qed tingħata bis-sieq bil-Belt, il-Floriana, il-Ħamrun u l-Marsa li qed iħabbtu ma’ wiċċhom problemi ta’ riġenerazzjoni, b’nuqqas ta’ familji, nuqqas ta’ wlied li jġorru magħhom l-identità. Nistħajjel ngħid li uħud mil-lokalitajiet kważi jinsabu fuq il-magni tal-mewt b’binjiet vojta u abbandunati.  L-istess huma abbandunati l-anzjani tagħna, bid-distrett kull ma jmur qed ikollu populazzjoni li qed tixjieħ, iżda l-Gvern joffri biss dar waħda tal-anzjani. 

Il-politika tal-PN hija waħda favur ambjent aħjar, ambjent nadif....

·        Iva il-PN jaqbel li Triq Sant’Anna ssir ġnien... u fil-manifest tal-Partit Nazzjonalista għall-aħħar elezzjoni tal-Kunsill fil-Floriana, wara tfassil li sar minni u mill-Kunsilliera sħabi, il-Partit indika b’mod ċar li jeħtieġ li Triq Sant’Anna tingħata l-attenzjoni li ilha s-snin ma jkollha. Iżda nħeġġeġ, li għal proġetti bħal dawn issir konsultazzjoni, ma dawk kollha konċernati.

·        Iva l-PN irid li l-Masġar tal-Ġublew, wara mozzjoni li ressaqt fil-Kunsill, u kien hemm qbil unanimu, dan il-masġar ikun imħares bix-xieraq u jagħti nifs ġdid lil dan l-ewwel distrett, masġar f’nofs il-bini urban.

·        Iva l-PN irid li Triq Reġjonali f’Santa Venera tkun imsaqqfa, u ssir ġnien. U dan il-proġett żgur se jeleva u jsolvi ħafna problemi tal-madwar....

·        Iva l-PN kien dak li beda s-servizz tal-Park and Ride, imma issa jeħtieġ li jsir tisħiħ fis-servizz tal-Park & Ride biex il-problema ta’ parkeġġ fil-Belt u l-Floriana u l-madwar tittaffa....

Il-PN huwa partit li qed jilqa’ u jixpruna l-ideat taż-żgħażagħ, iżda aħna ż-żgħażagħ wkoll qed isibu sfidi kbar quddiem wiċċna, b’għajnuna limitata ħafna għal dawk li jkunu se jixtru l-ewwel dar tagħhom, u b’anqas għajnuna lil dawk li se jkunu qed jixtru f’dan l-ewwel distrett.

·        Jeħtieġ li jkun hemm sussidji addizzjonali għal dawk il-familji li jridu jixtru, jirritornaw f’dawn il-lokalitajiet tal-1 Distrett u din l-idea se nibqa’ nsostniha fl-istrutturi tal-Partit biex tkun xprunata u anki parti mill-programm elettorali tagħna.

Smajna wkoll fuq kif il-Gvern qed jimxi b’linja dritta ma' kulħadd, iżda ilkoll nafu li dan mhux qed isir.

·        Jeħtieġ li l-awtoritajiet ma jimxux b’riga differenti mas-sidien tar-ristoranti u l-ħwienet, li għax tfaħħar il-Gvern intik u għax toqgħod sieket intik bis-sieq.

·        Jeħtieġ li ngħinu wkoll lin-negozji li jinsabu f’zoni li llum m’għadhomx daqshekk frekwentati nieħu minn uħud mill-ħwienet fil-Belt Valletta u l-Ħamrun, fejn qabel il-kummerċ kien jispikka f’dawn iż-żewġ lokalitajiet, illum iżda minħabba ħafna ċirkustanzi dan naqas. Irridu ngħinu r- rota tal-ħsieb tan-negozji biex jirnexxu aktar u aktar, u wara kollox isalvaw lilhom infushom u lil dawk kollha li jaħdmu magħhom.

·        Jeħtieġ li ngħinu lill-Kunsilli Lokali biex ikollhom l-għodda biex jaħdmu u jservu wkoll bħala ċentru edukattiv.

Huwa evidenti li pajjiżna jeħtieġ bidla fit-tmexxija. Pajjiżna jeħtieġ politika nadifa. Pajjiżna jeħtieġ politika ta’ fejda li tħares lejn kulħadd l-istess.

Issa jmiss li l-PN jwieġeb lill-karba tal-poplu jeħtieġ li niltaqgħu man-nies, nisimgħu, nitgħallmu u mis-smiegħ infasslu proposti konkreti għal futur. Diġà bdejna noħorġu u niddiskutu l-ideat tagħna ma’ dawk kollha li qed jingħaqdu magħna, imma dan irridu nkompluh u dan se nkomplu nagħmluh.

Irridu nżommu f’rasna l-għeruq tal-politika Maltija, dak li jagħmilna lkoll, irridu li n-nies iħossu s-sentiment li l-politika tagħna hija tagħhom, u mhux għalihom. B’hekk biss il-politika Nazzjonalista tkun tassew qed titwettaq, tkun tassew qed isservi u taqdi.


Comments

Popular Posts