Għal ħidma sfieqa fl-1 Distrett

 

Artiklu li deher fuq in-Nazzjon fil-11 ta' Frar 2021.

Bla ebda dubju nistgħu ngħidu li fl-aħħar sena r-realtajiet tal-poplu Malti u Għawdxi nbiddlu totalment kaġun tal-imxija tal-Coronavirus. Li ħafna forsi mhux dejjem jirrealizzaw li dawk li kellhom realtà ta’ faqar u bosta problemi soċjali, l-imxija gravat dawn is-sitwazzjonijiet, dawn ir-realtajiet tal-ħajja.  Żgur mhux forsi li l-impatt tal-imxija f’ħajjet il-poplu ħalliet il-marka tagħha.

L-isfidi li saħħet l-imxija

Il-kambjament li qed insemmi huwa ta’ piż kbir fuq bosta li jagħmlu parti mill-ewwel distrett. Mill-kuntatt li qed ikolli mar-residenti bosta qaluli li żdiedu l-każijiet ta’ individwi li jiddejnu biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja, speċjalment il-kera, filwaqt li l-anzjani u dawk vulnerabbli sabu ma wiċċhom il-karba tas-solitudni u l-ansjetà. Filfatt huwa mbassar li s-settur tas-saħħa mentali fix-xhur li ġejjin se jkun strumentali biex il-poplu Malti jirkupra mill-impatt ta’ din il-pandemija.

Meta nitkellem iżda fuq dan is-settur ma nistax ma nistaqsix: X’investiment sar fl-aħħar snin f’dan is-settur tant u tant kruċjali biex wara kollox ikun jista’ jservi l-ħtiġijiet tal-Maltin? Ilkoll nafu li ma sar kważi xejn f’dan l-ambitu, u s-settur tas-saħħa mentali qabel l-imxija tal-Covid kien diġà fuq sieq waħda... issa b’aktar żieda fin-numru tal-pazjenti li qed ifitxxu l-għajnuna, il-possibbiltà li l-piż jiżdied hija waħda kbira.  Piż li se jkompli jżid mal-ħafna xogħol li qed ikollhom il-professjonisti tas-saħħa li fl-aħħar xhur kienu fuq quddiem nett biex bħala nazzjon iġġelidna l-imxija.

Din hija sitwazzjoni reali li qed tkompli żżid mal-problemi kurrenti, dan apparti li ħafna minħabba l-imxija tilfu l-impjieg, jew tilfu ammont sostanzjali mid-dħul finanzjarju tagħhom. Ċifri tal-NSO wrew li l-qagħad f’pajjiżna żdied u kważi laħaq it-13,000 persuna, b’numru sostanzjali jkunu wkoll żgħażagħ u dawk li jkunu se jibdew familja ġdida.

Bla ebda dubju li lil dawk li llum jinsabu f’din is-sitwazzjoni ta’ qagħad irridu ngħinuhom kemm nistgħu. Jeħtieġ li noħolqu aktar inizjattivi biex anki nsaħħu t-talenti tagħhom. Irridu nħarsu li noffru korsijiet edukattivi biex il-potenzjal ta’ dawn l-individwi jiżdied. Irridu ngħinu wkoll lin-negozji li jinsabu f’zoni li llum m’għadhomx daqshekk frekwentati... nieħu minn uħud mill-ħwienet fil-Belt Valletta u l-Ħamrun, fejn qabel il-kummerċ kien jispikka f’dawn iż-żewġ lokalitajiet, illum iżda minħabba ħafna ċirkustanzi dan naqas. Irridu ngħinu r-rota tal-ħsieb tan-negozji biex jirnexxu aktar u aktar, u wara kollox isalvaw lilhom infushom u lil dawk kollha li jaħdmu magħhom. Fi ftit kliem irridu naħsbu u nħejju lilna nfusna li mhux biss nagħtu l-vouchers, li żgur li għenu fl-aħħar xhur, iżda issa rridu nagħtu aktar għodda t’għajnuna biex l-ekonomija tibda mill-ġdid tirpilja.

Piż tal-kirjiet

Huma ħafna fl-ewwel distrett li qed iħabbtu wiċċhom ma’ piżijiet kbar ta’ kirjiet, u nuqqas ta’ akkomodazzjoni adegwata. Fil-Ħamrun, il-Marsa u Tal-Pietà qed ikun hemm sfidi kbar f’dan il-qasam. Fil-Belt u l-Floriana, kirja għal sempliċi 3 ikmamar qed tkun ta’ piż kbir fuq individwu. Individwu li bosta drabi jgħix fl-umdità, jew bil-kċina fil-kantina, li f’waqtiet tkun esposta għat-tniġġis tal-vetturi.  

Kif semmejt fl-aħħar artiklu tiegħi fuq din il-gazzetta, jeħtieġ li nieħdu ħsieb il-qalb tal-lokalitajiet kollha billi l-bini li hu tajjeb, iż-żagħżugħ, iż-żgħir ngħinuh biex jixtri din il- proprjetà, għalhekk jeħtieġ li jingħataw aktar sussidji lill-first-time buyers li se jkunu qed jixtru f’numru ta’ zoni fid-distrett tagħna. 

L-ewwel distrett huwa ċ-ċentru ta’ pajjiżna, jeħtieġ li nieħdu ħsiebu u ntuh il-ħajja.



Ambjent aktar nadif

Fl-ewwel distrett b’mod partikolari hemm żewġ proġetti li ilhom mhux ħażin fuq l-ixkaffa li żgur jistgħu jtejbu ħajjet ir-residenti tal-lokalità. Qed nirreferi għall-proġett ta’ Triq Sant’Anna fil-Floriana, li ssir ġnien, u li Triq Reġjonali f’Santa Venera tkun imsaqqfa u li hemm pjan li ssir ġnien.

Bla ebda dubju għal kull proġett jeħtieġ li jsir studju fuq studju dwar il-vijabbiltà tagħhom, iżda konxji kemm hemm tniġġis f’dawn iż-żewġ toroq maġġuri. Infatti Triq Sant’Anna fil-Floriana sfortunatament hija l-aktar triq imniġġsa f’pajjiżna. Bla ebda dubju jeħtieġ li jsir xi ħaġa. Jien bħala Kunsillier f’din il-lokalità nemmen ukoll li proġett bħal dan żgur mhux forsi se jgħin fir-riġenerazzjoni tal-lokal u anki l-madwar.

Nemmen li proġetti bħal dawn se jġib lejn il-Floriana u Santa Venera numru ta' benefiċċji, dan apparti wkoll li nnaqqsu t-tniġġis u naraw il-possibiltajiet kollha li nnaqqsu b’mod drastiku l-problema ta’ parkeġġ. Nisħaq iżda li għalkemm fl-aħħar snin ġie mwiegħed li dawn il-proġetti jsiru, irridu dejjem inżommu f'rasna li jeħtieġ li ma nagħmlux l-iżball li ma nikkonsultawx ma' dawk l-aktar affetwati b'dawn il-proġetti, ir-residenti u l-ħwienet li jagħmlu parti minn dawn it-toroq u l-madwar.

Fl-aħħar snin saret norma li konsultazzjoni mill-Gvern ma’ dawk konċernati ma ssirx. F’waqtiet lanqas mal-Kunsilli Lokali ma ssir taħdita. Din il-prassi hija waħda ħażina u trid tinbidel għax nemmen li b’konsultazzjoni wieħed dejjem jista’ joħroġ il-ġid.

Politika tan-nies

Il-ħidma tiegħi fid-distrett trid tissokta, il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista lejn il-poplu Malti trid tkompli tissaħħaħ. Nemmen bis-sħiħ li l-politika ta’ fejda u ekwa trid mhux biss tkun fid-dokumenti tagħna iżda bħala Maltin, bħala politiċi u bħala partitarji rridu nwassluha lin-nies. Irridu niddiskutuha man-nies, irridu li n-nies iħossu s-sentiment li din il-politika hija tagħhom, u mhux għalihom. B’hekk tassew il-politika li tkun qed titwettaq tkun tassew qed isservi u taqdi.

Comments

Popular Posts