Inżommu kuntatt


Artiklu li deher fuq in-Nazzjon il-Ħamis 10 ta' Diċembru 2020 

Infasslu politika minn fost in-nies

Is-sentiment tal-poplu huwa wieħed li jtik indikazzjoni ċara ta’ x’jeħtieġ jitwettaq biex bħala politiku int tkun tista’ tagħmel il-ġid, u tkun il-leħen tal-poplu li int tirraprażenta. Biex tassew tkun qed taqdi dmirek, u tkun qed tippermetti li titħaddem il-funzjoni ta’ għaliex int politiku u kandidat, trid dejjem tisma’ u tifhem, u wara tagħmel minn kollox biex minn dak li smajt int twettaq biex tgħin.

Waħda mid-diffikultajiet li forsi ħafna jsibu quddiem wiċċhom huwa kif aħna se naffaċjaw l-isfidi li hemm quddiemna, bla ebda dubju wieħed ma jistax ikun jaf bi sfida partikolari jekk ma jimraħx ftit fuqha, biex ikun jista’ ssolviha. Il-punt l-aktar fundamentaali iżda hu, dak li nistgħux ninsew l-għeruq ta’ x’inhi l-politika t-tajba, li biex wieħed ikun jaf dwar l-isfida, wieħed irid iżomm l-kuntatt. Dan l-aħħar punt huwa l-appell li jien kontinawament qed nisħaq tul din il-mixja politika li għażilt, il-ħtieġa li nżommu kuntatt. Fil-politika ma nistgħux inwettqu xi ħaġa, ma nistgħux inkunu tassew qed nirrapreżentaw lill-poplu tagħna jekk ikunu maqtugħin mir-realtà, mill-polz ta’ kull individwu, ta’ kull zona li aħna għandna l-privileġġ li nservu.

Is-sabiħ tal-politika huwa l-kuntatt

Kif forsi uħud semgħu lili nitħaddet fuq ir-radju jew it-televiżjoni, is-sabiħ tal-politika apparti li sservi, huwa dan il-punt sagrosant, li tkun lest tmur fil-kċina tal-familja li int se tirrapreżenta, li tpoġġi fuq is-sufan magħhom, u ssegwi l-ambjent li jkunu qed jgħixu fih, issegwi d-delizzju tagħhom u dak l-aktar li jtihom pjaċir, iżda mhux biss, tara u tmiss b’idejk id-diffikulatjiet li huma ta’ kuljum qed jgħixu.

Għaliex fil-politika f’waqtiet qed nitilqu minn dak l-aktar uman u niffukaw fuq dak l-artifiċjali? Fuq dak l-appoġġ minnufih, li se jasal fl-immedjat? Għaliex uħud qed ifittxu l-politika mhux biex ikunu tan-nies, imma biex jaraw x’jistgħu jieħdu minn fuq in-nies. Din il-politika ma ddoqqx għal widnejja u ma tinsabx fil-prinċipji li nħaddan bħala individwu, il-politika tagħna għandha tkun tan-nies, u mhux biss għan-nies, iżda l-poplu jrid jara li hu kien involut tassew fil-politika li qed titwettaq.

Inħarsu lejn orriżonti ġodda

Is-sehem ta’ kull individwu huwa kruċjali fit-tfassil tal-politika ta’ pajjiżna, l-importanza m’għandhiex tkun fuq is-sehem taż-żgħażagħ biss, iżda fuq iż-żgħażagħ x’jistgħu joffru għal pajjiżna. Fil-ħidma politika tiegħi dejjem tlaqt mill-punt li jien qed hemm biex nisma’ u nservi bl-aqwa mod il-poplu li jien nirrapreżenta.

Id-differenza li nistgħu nagħmlu hija ġenerika għax nemmen li kull distrett għandu l-isfidi partikolari tiegħu, imma aħna ż-żgħażagħ għandna dak l-element li f’waqtiet nistgħu nintroduċu ideat u perspettivi ġodda fil-mod kif nistgħu ninplimentaw il-politika. Fuq aspett personali minn dejjem emmint li d-differenza ewlenija li wieħed jista’ jġib ma jistax jagħmilha jekk ma jkollux kuntatt man-nies.

Intenni li l-politika ta’ fejda u ekwa trid mhux biss tkun fid-dokumenti tagħna iżda bħala Maltin, bħala politiċi u bħala partitarji rridu nwassluha lin-nies. Irridu niddiskutuha man-nies, irridu li n-nies iħossu s-sentiment li din il-politika li aħna qed noffru hija tagħhom, u mhux għalihom.

L-enerġija li aħna “iż-żgħar” għandna żgur li tgħin biex dan l-aspett inżommuh, imma nisħaq li qatt ma għandna ninsew l-għeruq tal-ħidma tagħna, dik li l-politika tagħna tkun verament għan-nies u man-nies li aħna għandna nirrappreżentaw u nħarsu. B’hekk biss jista’ jirbaħ pajjiżna.   

Ma niddejqux nitkellmu dwar l-isfidi

Biex naffrontaw l-isfidi, ma nistgħux nibżgħu nitkellmu dwarhom. Ma nistgħux nistaħbew wara subgħajna u nħallu l-isfidi, il-problemi, in-nuqqasijiet jirkbu lill-poplu, lilna lkoll. Aħna għandna nkunu r-rappreżentanti tal-poplu tassew, u f’dak li aħna nkunu, irridu biss insaħħu l-leħen, mingħajr qatt ma ninsew li aħna għandna dejjem inkunu l-leħen tas-sewwa, u l-leħen minn fost in-nies.  

 

James Aaron Ellul

Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali f’isem il-PN fuq l-1 Distrett

Comments

Popular Posts