Fostna, magħna

 


Tislima lil Oliver Friggieri

Kull mewġa ġejja w sejra trid xi ħaġa
li xtaqtha jien ukoll. Ah, mewġa belha,
jintradmu hawn fil-qiegħ l-isforzi kollha,
isejjaħ l-oċean bħal ċimiteru
jistenna ‘l min imiss jidħol f’postu.

                   (Poeżija: Skantati Ngħoddu l-Ħin, Oliver Friggieri)

Il-fjura li tant kienet trewwaħ din l-art li tant ħabb tul ħajtu tilfet il-ħajja, iżda baqgħet xorta memorja tas-sabiħ li raġel umli u ġentlom jista’ jrodd lura t-talenti tiegħu lil pajjiżu, lil ilsiennu.

Oliver Friggieri akkost li nifsu m’għadux hemm, nifs dan l-awtur se jibqa’ għal dejjem, sakemm il-Malti jibqa’ ħaj. Hu se jibqa’ magħna b’kitbietu, f’dak kollu li nibbet, kemm fil-kitba, kemm fil-ħidma letterarja u oħrajn fil-gazzetti, kemm fl-istudenti li tant ħabb u ħa ħsieb, kemm mal-letturi sħabu, li akkost kollox baqa’ sal-aħħar magħhom.

Ma nistax ma niktibx ftit kelmiet fuq l-għażiż Oliver Friggieri, ħabib tal-qalb li kelli l-unur li nsir nafu mill-qrib, li kelli l-privileġġ nitgħallem minn għandu. Il-marka li dan il-Professur ħalla fuqi, fuq kull student, huwa kbir bil-bosta, għax rawwem fjamma ta’ mħabba lejn il-lingwa tagħna, tkellem magħna fuq numru ta’ temi, u fakkarna fl-identità li aħna għandna ngħożżu dejjem, jiġri x’jiġri.

Kemm tenna l-kliem fuq kif għandna nġibu r-rispett lejn dan in-nazzjon mimli għerf. F’għemilu anki meta kritika lil dawk li naqqsu lil dan il-ġens, huwa qatt ma lissen kelma ta’ disprezz, ir-rispett għalih kien sagrosant... u mhux ta’ b’xejn li dan il-ġentlom illum qed jirċievi lura ftit mill-ħafna rispett li hu ta tul ħajtu kollha lil kull min iltaqa’ miegħu.

Imħabbtu lejn il-familja kienet kbira, kien konxju li fl-aħħar snin kellu d-diffikultajiet u l-limitazzjonijiet tiegħu, iżda bl-imħabba mill-familja hu baqa’ għaddej, baqa’ jfittex li b’xi mod jew ieħor ikun ta’ eżempju u jgħallem.

Niftakar darba fost l-oħrajn kont għandu, u kienet ix-xita, akkost li kien il-ksieħ, saqsieni jekk hux se ninżel il-Furjana wara li nlestu.. jien pront pront weġibtu iva, u saqsieni jekk nistax inwasslu. Kien mistieden għal serata partikolari fi Ġnien il-Mall, u fi triqitna r-rakkonta mhux ħażin fuq żmienu meta kien għalliem il-Liċeo.

Ir-rakkont kien ifittxu, ir-rakkont kien iħobbu, u permezz tar-rakkont anki meta kien jitkellem kien b’xi mod jew ieħor l-istess rakkont jorbtu ma’ tagħlima. Bla ebda dubju dan l-eżerċizzju nsibuh fil-kitba tiegħu.

“Il-letteratura hija forma ta’ reliġjon, il-jien kont neżżiżti, u għadni neżżiżti”

F’intervista li kont għamiltlu lura fl-2016, meta saqsejtu dwar il-letteratura huwa weġibni preċiżament b’dik is-sentenza li kwotajt. Il-letteratura li ħalla warajh hija twemmin, twemmin lejn il-lingwa Maltija, li permezz tagħha nħarġet il-kitba brillanti ta’ dan l-awtur maħbub li ġab għaqda fost nazzjon, nazzjon li bosta drabi jfittex biss li jgħix mifrud.


Saħħti tbatti ma' kull siegħa,

hawn għad naqa' bla ma nqum,

iżda qalbi hawn se tibqa'

tħabbat, tħabbat ta' kuljum.


(Poezija qabel in-novella tiegħu, bl-isem “Din hi d-dinja kollha tiegħi” fil-ġabra” Stejjer għal qabel jidlam” ta’ Oliver Friggieri)

Insellimlek għażiż ħabib. Grazzi ta’ kollox!

Comments

Popular Posts