Is-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta' dawk l-aktar dgħajfa

 


F’soċjetà Maltija sinjura u għanja bi tradizzjoni, b’qalb li tħabbat is-sentiment tal-komunità li tagħmel parti, li tul l-mixja tagħhom tlaqqahom ma’ bosta esperjenzi għandna ġens li f’waqtiet qed jitpoġġa f’salib it-toroq. Fil-mixja tiegħi ta’ kuljum qed niltaqa’ ma’ ħafna ġejjin minn irkejjen differenti tas-soċjetà, ilkoll għandhom warajhom xi rakkont li jagħmilhom dak li huma, ilkoll għandhom is-suċċessi tagħhom, id-dispjaċir u t-tbatija tagħhom.

X’qed nesperjenzaw?

Akkost dan kollu huma l-bosta li jiftħu qalbhom dwar l-isfidi li llum qed jiltaqgħu magħhom b’kawża tas-sitwazzjoni kurrenti. Ħanut fil-Ħamrun jgħidli li hu miexi tajjeb u n-negozju tiegħu ma kienx affetwat bis-sitwazzjoni preżenti, iżda ibnu tilef l-impjieg tiegħu tas-sajf, għax qalulu li ma kienx hemm bżonnu. Ibnu kien għadu kemm xtara karozza u issa l-loan qed iħallisilu missieru.

Storja oħra teħodna fil-Belt Valletta, b’ħanut li ħa daqqa minħabba l-kwistjoni politika f’Novembru u Diċembru u fi żmien il-Milied m’għamilx flus daqs is-soltu,  is-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar bil-Covid, sfurzat li jnaqqas il-pagi, iżda għamel mezz li jżomm lill-impjegati tiegħu. Qalli dawn għandhom il-familji, li kien lest jagħmel sagrifiċċju hu, flimkien mal-ħaddiema biex kulħadd jerfa’ biċċa mit-tbatija.

Is-soċjetà Maltija fil-maġġoranza tagħha għandha valuri sodi, u nafu nħennu għal dak li jkun, iżda meta ngħidu progress, x’iġifieri? Ikun progress jekk jien imxejt u ta’ madwari le? F’kuntest ta’ nazzjon wieħed, irridu nimxu lkoll flimkien, hemm verament ikollna soċjetà b’saħħitha li tista’ tegħleb kull ostaklu li hemm quddiemha.

X’qed ikun indikat?

L-aħħar ċifri Ewropej dwar il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin qed jindikaw li f’pajjiżna l-faqar qed ikompli jgħolli rasu. Fil-fatt, skont l-istess statistika Ewropea, aktar minn 97,000 persuna rriżultaw li jinsabu f’riskju tal-faqar jew f’esklużjoni soċjali, filwaqt li aktar minn 82,000 persuna huma f’riskju tal-faqar. Dawn in-numri huma inkwetanti.

Fil-Floriana f’waqtiet nimilħu affarjiet mhux tas-soltu li jagħtu indikazzjoni li l-faqar qiegħed fostna. Apparti l-fatt li konxjament hemm anzjani li jħallsu €700 fix-xahar biex jikru 3 ikmamar, sidien tal-ħwienet jitkellmu miegħi u jgħiduli li kien hemm żieda fl-ammont ta’ nies li jidħlu fil-ħanut tagħhom biex jitolbu xi ħaġa tal-flus. Il-Floriana hija lokalità ċentrali, nies minn kull rokna ta’ Malta jgħaddu minnha, u minn xi ħaġa bħal din tibda tirrealizza li l-problema fil-Floriana mhux biss tal-Furjaniżi, iżda tal-Maltin kollha.

Inġib dejjem quddiem għajnejja x-xena li sikwit timpressjonani fil-Belt Valletta, xena li ħafna jarawha kull filgħodu iżda ma jirrealizzawx, ix-xena li kulħadd dieħel għax-xogħol, min bil-ġlekk, min bl-uniformi u min b’ta’ fuqu senduqu... tagħmel kwarta tosserva u tinnota nies li huma ġejjin minn kull parti tas-soċjetà... mill-aktar fqir... sal-aktar sinjur, kollha fi triq waħda. U iva kollha ninsabu fi triq waħda biex nagħmlu l-ġid għal dan in-Nazzjon tagħna, ilkoll għandna r-responsabbiltà li fil-ġudizzji li ġejjin ‘il quddiem nagħmlu s-sewwa.

Budget 2021

Il-Gvern jagħmel referenza darba waħda biss għall-kelma "siġar"

Fil-budget li għadu kif tressaq, Robert Abela nesa kompletament lill-frontliners li kienu u għadhom quddiem nett fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. F'dan il-mument wieħed kien jistenna li tiġi rikonoxxuta l-ħidma kontinwa tagħhom.

Fil-budget, il-Gvern ma ħabbar l-ebda żvilupp ta’ akkomodazzjoni soċjali... u dwar l-edukazzjoni smajna ftit li xejn.  

Fatt pożittiv kien li fil-budget tissemma’ li se jkun hemm l-iżvilupp tal-ekonomija l-ħadra, madankollu qal ftit li xejn dwar x’inhi din l-ekonomija l-ħadra għall-Gvern… bil-Gvern Laburista falla li jilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea biex Malta tipproduċi enerġija sostenibbli u nadifa f’pajjiżna.

Nesa jindirizza l-problemi li ninsabu fihom u dawk li ser niffaċċjaw b'mod qawwi fil-futur immedjat.

Biex ma nifthiemx ħażin.... hemm proposti li huma pożittivi... u oħrajn li ġew irriċiklati minn snin tal-imgħoddi, però għandna Gvern li qed jibża' jiffaċċja r-realtà.

Fil-budget ma smajna xejn fuq kif se jiġu indirizzati l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Ma smajna xejn fuq kif se ngħinu 83,000 persuna f'riskju kbir ta' faqar. Ma smajna xejn fuq pjan olistiku biex in-negozji Maltin u Għawdxin jibqgħu jlaħħqu mal-isfidi li għandhom.

Inħarsu ‘l quddiem

Pajjiżna jeħtieġ politika ta’ fejda, li l-progess ma jkunx imkejjel biss fil-bini għoli li naraw jew fin-numri li jitkellmu dwarhom il-Ministri, imma l-progress irid jitkejjel fil-ġid komuni li verament ikun qed jasal għand kulħadd.

Issa li l-Partit Nazzjonalista għaddha minn staġun sajfi ta’ elezzjoni interna u l-eżitu finali twassal, issa trid tissokta l-ħidma u niffukaw fuq il-ħidma mis-soċjetà, għas-soċjetà Maltija. Il-politika ta’ fejda u ekwa trid mhux biss tkun fid-dokumenti tagħna iżda bħala Maltin, bħala politiċi u bħala partitarji rridu nwassluha lin-nies. Irridu niddiskutuha man-nies, irridu li n-nies iħossu s-sentiment li din il-politika hija tagħhom, u mhux għalihom. B’hekk biss jirbaħ pajjiżna.  

 

James Aaron Ellul

Minority Leader – Floriana

jamesaaronellul@gmail.com

 

 

 

Comments

Popular Posts