“Il-laqgħa ma saritx għax kien hemm korrispondenza li ntilfet”

 


Ariklu li deher nhar l-Erbgħa 2 ta' Settembru fuq il-gazzetta in-Nazzjon. 

Mill-ġdid kruċjali l-ħidma tal-PN fil-Floriana

Dejjem emmint li dmiri hu li nibqa' dejjem inżommkom infurmati. Wara insistenza mill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Floriana, il-Kunsill żamm laqgħa mas-Civil Protection Malta dwar l-iżvilupp li hemm pjanat li jsir fit-Telgħa ta' Sa Maison. Fil-laqgħa ntqal li l-laqgħa ma saritx qabel għax kien hemm korrispondenza li ma waslitx.

Fost l-oħrajn rajna wkoll numru ta' pjanti ta' dan il-proġett li jien qatt ma kont rajt, u b'hekk sa fl-aħħar bħala Furjaniżi ngħatajna aktar informazzjoni. Akkost ir-riservi tiegħi fuq abbażi ta' prinċipju u l-ħarsien tal-policies huwa evidenti li l-proġett se jsir.

It-titlu ta’ dan l-artiklu huwa dak li ntqal minn Uffiċjali tal-Membri tal-Protezzjoni Ċivili għal żvilupp li se jsir fil-Floriana, fit-Telgħa ta’ Sa Maison.

Nittama li dan il-proġett, akkost l-impatt estetiku, akkost il-policies li se jinkissru, jalla li minnu dan il-proġett jinħareġ tassew il-ġid.

Iżda nistaqsi għaliex kellna nagħmlu insistenza aħna bħala Kunsilliera tal-PN biex issir il-laqgħa? Possibbli li fir-rendikont li saru, ma ddoqqx il-qanpiena li hemm xi ħaġa nieqsa? Li ma saritx laqgħa mal-Kunsill Lokali Furjaniż, il-Kunsill Lokoali tal-art fejn se jsir dan l-iżvilupp. 

Tajjeb li nfakkar li l-ewwel applikazzjoni ta' dan il-proġett saret  f'Ottubru/Novembru 2019. Din il-laqgħa saret fid-19 ta' Awwissu 2020, wara insistenza tieghi biex ikun il-Kunsill Lokali li jsejjaħ din il-laqgħa u jkun mgħarraf b'dak li qed jiġri fil-lokal tiegħu stess.

L-importanza li jkun hemm diskussjoni

Il-Kunsill Lokali huma dawk l-aktar viċin ir-residenti tal-lokal rispettiv tagħhom u għalhekk jeħtieġ li magħhom ikun hemm dejjem id-diskussjoni. Diskussjoni xierqa, fil-ħin opportun.

Fl-aħħar snin rajna Gvern  Laburista li f’waqtiet għadda romblu minn fuq il-Kunsill Lokali, u r-residenti. Nistaqsi, kemm jistma lill-Kunsill Lokali dan il-Gvern? Għaliex jiddejjaq jikkonsulta ma’ dawk konċernati?

L-appell huwa li jekk int membru fi ħdan il-Kunsill Lokali għandek twarrab il-partiġġjaniżmu żejjed u tħares dejjem l-interess tal-lokal rispettiv tiegħek. M’għandekx tieqaf titkellem, u għandek dejjem iżżomm f’moħħok u f’qalbek li int qiegħed fil-Kunsill Lokali biex tgħin u sservi lin-nies, u akkost li l-isfidi kollha li jkollna quddiemna, anki mill-Gvern, m’għandna qatt nieqfu nissieltu għal dak li hu tal-lokal.

PN li qed iġib ir-riżultati

Il-PN fil-Floriana, għalkemm minn minoranza minn dejjem ġab riżultati li gawdew minnhom ir-residenti. Dan l-artiklu jixhed li huwa frott l-insistenza tagħna, li tal-anqas saret laqgħa ta’ informazzjoni u konsultazzjoni, xi ħaġa li kellha issir xhur ilu.

Fil-Floriana fl-aħħar 5 ġimgħat kellna toroq bla dawl, b'residenti ma setgħux joħorġu passiġata b'serħan il-moħħ, fejn ma setgħux joqogħdu fl-intrata tal-bieb għall-frisk, fejn anki d-dritt li int tħossok sigur f'darek f'dawn l-aħħar ġimgħat għeb għal kollox.

Kien meta tfajt post fuq il-midja soċjali li l-affarjiet bdew jiċċaqalqu, u sa fl-aħħar ilna dawn l-aħħar ftit jiem li dawn it-toroq reġgħu mill-ġdid inxtegħlu. Nistaqsi iżda, kien hemm bżonn li Kunsillier Lokali jitfa’ fil-pubbliku biex l-affarjiet jitranġaw? Kien hemm il-ħtieġa li l-midja lokali tagħmel l-artikli fuq dak li ktibt biex l-affarjiet jitranġaw? Għaliex l-awtoritajiet ma semgħux mill-ewwel dak li konna qed ngħidu fil-bidu ta’ din il-problema? Possibbli li f’waqtiet ninsew x’inhi r-responsabbiltà tagħna? Dawn il-mistoqsijiet ilkoll nafu t-tweġiba tagħhom, ċertu apatija rikbet lil uħud, u minħabba din l-apatija qed ibatu r-residenti.

Akkost dan kollu, il-PN qed juri ideat friski u proposti, li permezz tagħhom irid jagħti aktar saħħa lill-Kunsill Lokali, lill-poplu. Din l-istess mentalità jalla li jħadnuha l-politiċi kollha, għax b’hekk biss nistgħu negħlbu din l-apatija ta’ xejn mhu xejn li llum qed tirrenja f’pajjiżna.

Minn qalbi nirringrazzja lil dawk kollha li fl-aħħar jiem komplew ituni l- appoġġ lil ħidmieti, ħidmet il-PN fil-lokal tal-Floriana. Grazzi mill-qalb.

Comments

Popular Posts