Flimkien. B’dixxiplina.


Artiklu li deher fuq in-Nazzjon tat-13 ta' April 2020. 

L-imxija Covid-19 bidlet ħajjet kull individwu, mhux biss f’pajjiżna iżda wkoll mad-dinja kollha. In-norma tal-jum ma baqgħetx, iżda saret xi ħaġa tal-passat. Ħafna, inkluż jien, għandna x-xewqa li mill-ġdid din in-norma terġa’ tirritorna f’qasir żmien, madanakollu nafu li biex dan iseħħ hemm il-ħtieġa li nagħmlu sagrifiċċju.

Fejn qatt konna nobsru, li l-bniedem bl-għarfien kollu li kiseb tul is-snin, issa spiċċa f’rokna ta’ sqaq ma jafx kif se jegħleb din l-isfida li hemm quddiemu ħlief billi jistenna, u jkun kawt ma’ kull azzjoni li jwettaq. Nafu li wara l-maltemp se jiġi l-bnazzi, iżda nafu wkoll li dik il-ħajja li konna nafu qabel se ddum biex terġa’ tiġi. 

Azzjoni f’pajjiżna qed tittieħed, ħafna kellhom it-tama li ċertu azzjonijiet forsi kienu jittieħdu kemxejn qabel, bħal pereżempju stajna għalaqna l-ajruport minnufih jew stajna għalaqna l-postijiet pubbliċi mill-ewwel, u nistgħu nibqgħu għaddejjin madankollu l-messaġġ ta’ dan l-artiklu ma nixtieqx nieħdu f’dik id-direzzjoni. 

L-ubidjenza

Iż-żifna hi li bħalissa rridu nobdu l-istruzzjonijiet u l-pariri li jtuna l-Awtoritajiet tas-Saħħa. Ħafna forsi riċentament ħarġu jċapċpu fil-gallariji u twieqi għall-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-settur tas-saħħa, u dawk kollha li fl-aħħar ġimgħat qed jagħtu servizz eċċelenti lejn il-komunità, il-ħaddiema tal-ordni, sħabi l-ġurnalisti, il-ħaddiema tal-indafa pubblika, il-ħaddiema li jaħdmu fil-ħwienet tal-merċa u s-supermarkets, il-ħaddiema fil-banek u ħafna oħrajn, iżda x’piż għandha ċ-ċapċipa li lkoll ċapaċapna jekk ma nobdux u ma nimxux mal-pariri li qed ningħataw?

Għaliex tfajna l-filmati fuq Facebook u Instagram biex nagħtu tifħir u kuraġġ lil dawn il-ħaddiema, tifħir u kuraġġ mistħoqq, u jiem wara nużaw l-istess pjataformi biex minflok nagħmlu kuraġġ lil xulxin noqogħdu nuru li ħriġna minn djarna. Li morna f’postijiet ma’ nies oħra. Li ma smajniex, u li sfidajna l-pariri li tawna l-Awtoritajiet tas-Saħħa. Possibbli li hawn uħud li anki fejn tidħol saħħithom u wara kollox ħajjithom anki hawn ma nafux x’inhi dixxiplina? Possibbli li ma nafux inkunu ubidjenti?

Waqt li nikteb dan l-artiklu qed niftakar f’sensiela ta’ filmati li rajna fil-pajjiż ġar tagħna tal-Italja. Id-daqqa li ħadu r-reġjuni ta’ fuq, speċjalment dak tal-Lombardija tniżżel fik dieqa kbira. Nies bdew imutu mingħajr ħadd ma jkun hemm ħdejhom. Tobba u infermiera mbikkma. Il-poplu sfurzat u ordnat jagħmel kwarantina obbligatorja. Il-Coronavirus ġabet lil-Lombardija, wieħed mill-aktar reġjuni sinjuri tal-Italja għarkuptejh u f’agunija.

Il-faqar f’partijiet tad-dinja fejn qatt ma konna nobsru li se narawh, feġġ, nies spiċċaw barra f’pajjiżi Ewropej. Jalla li f’mumenti bħal dawn ma ninsewx il-valuri li sawruna. Valuri li sa ftit snin ilu kienu l-valuri l-aktar strumentali fil-kontinent li ninsabu fih, u madwar id-dinja. Jalla l-valur uman issa jsir aktar u aktar fil-prattika.

Jalla dawn ix-xeni ma nibqgħux narawhom, imkien. Jalla dawn ix-xeni ma narawhomx f’pajjiżna. Iżda biex pajjiżna jikkontrolla din iċ-ċirkustanza, lil din l-imxija, hemm il-ĦTIEĠA li nikkoperaw FLIMKIEN.

Sagrifiċċju

Illum ħafna qed jiċċaħdu mill-kuntatt uman tal-maħbubin. Lin-nanniet tagħna mhux narawhom. Missirijiet u ommijiet qed jiċċaħdu milli jaraw lil uliedhom, lin-neputijiet u l-pro-neputijiet. Ħafna qed jagħmlu dan is-sagrifiċċju. Allura hawn nistaqsi... hawn uħud li ma jistgħux jagħmlu wkoll dan is-sagrifiċċju ukoll? Diffiċli tassew, imma kemm tkun  aktar diffiċli jekk jew meta s-sitwazzjoni f’pajjiżna tiggrava. Ejja nirsistu u nagħmlu s-sagrifiċċju ISSA biex din il-burraxka tgħaddi minn fuqna mill-aktar fis.

Issa li suppost daħlet fis-seħħ il-miżura ta' 𝑙𝑜𝑐𝑘𝑑𝑜𝑤𝑛 għall-anzjani tagħna li għandhom 'il fuq minn 65 sena, għalkemm dwar dan sa anki daħal element ta’ populiżmu u xorta waħda għax kien pass tajjeb ħafna, irnexxielna nħawdu l-imħuħ... Issa ejja bħala Maltin biex fejn nistgħu, noffru l-għajnuna tagħna f'dan il-perjodu diffiċli lill-anzjani tagħna u ngħinu fejn nistgħu lil kulħadd, speċjalment lil dawk vulnerabbli.

Bħala nazzjon diġà tlifna l-ħajjiet fil-ġlieda kontra din l-imxija, irridu nitilfu aktar biex nitgħallmu?

Flimkien ejja nagħtu s-sostenn 'il xulxin biex ma naqgħux fis-solitudni u jalla anki meta l-affarjiet jaqilbu għall-aħjar, nibqgħu nieħdu ħsieb lil kull min hu fil-bżonn.

Ejja nużaw il-pjattaformi tal-midja soċjali favurina. Ejja nużawhom biex nitfgħu tbissima fuq fomm xulxin. Iżda ejja nkunu dixxiplinati li nobdu wara kollox il-pariri li jingħataw. B’hekk biss, b’dan il-mod aħna nistgħu negħlbu din l-isfida li għandna quddiemna, din il-battalja kontra għadu li ma nafux fejn jinsab, iżda nafu li jinsab fostna.

Comments

Popular Posts