Ħtieġa li jkun hemm studju ta’ inċentivi għall-Floriana




“Hemm bżonn jinħoloq bilanċ, in-nies huma dawk li jagħmlu l-lokal”.

Minn stħarriġ li kien sar, il-populazzjoni tal-Floriana ilha li qabdet it-triq tan-niżla mill-1957, ftit ftit, sakemm waslet għall-popolazzjoni preżenti, ftit aktar minn 2,000 ruħ (2,032 ċensiment 2019), bl-età medja tal-lokalità hija dik ta’ 60. Il-lokalità saret anzjana. Fil-lokalità hawn in-nuuqas ta’ familji, u filwaqt li rridu nieħdu ħsieb l-anzjani tagħna, b’ruħna u b’ġisimna għandna nieħdu ħsieb il-futur tal-Floriana tagħna.

Fiż-żjarat li nwettaq hija xi ħaġa rari ħafna li niltaqa’ ma’ żgħażagħ tal-età tiegħi, jew tal-anqas ma’ familji bit-tfal. Din hija xi ħaġa preokupanti, għax meta ngħidu dan, ikun ifisser li l-identità Furjaniża qed tinqered, u fis-silenzju qed tmut mewta naturali.

“Irid ikun hemm diskussjoni urġenti, il-Floriana qed tmut mewta naturali”

Biex nieħdu ftit idea tal-problema li ilna ngħixu fiha; kważi sentejn ilu ċċelebrajna għas-sempliċi fatt li fil-Parroċċa ta’ San Publju kien hemm 20 tifel u tifla li għamlu l-Ewwel Tqarbina. Dan apparti li uħud minn dan-numru lanqas biss joqogħdu fil-Floriana. Mill-bqija fis-snin ta’ qabel u wara, ikollna xorti jekk it-tfal li għamlu l-preċett fil-lokal tela’ għal aktar minn 10.

Qabel ktibt dan l-artiklu fittixt mhux ftit biex nara s-sitwazzjoni anki fil-prezzijiet tal-proprjetà fil-lokal.  Appartament ta’ tlett ikmamar fil-Floriana jibda bi prezz ta’ €400,000. Id-daqs tal-kmamar mhux stupend, anzi nazzarda ngħid li huma kmamar żgħar.

Dan il-prezz huwa għoli u konxji li ħafna minnha ż-żgħażagħ mhux se naslu biex inħallsu dak l-ammont, apparti li nafu li trid toħroġ iktar flus biex tirranġa l-post. Allura nistaqsi, x’jista’ jsir biex tal-anqas proprjetà bħal din tibqa’ tilqa’ r-residenti?
Apparti l-proprjetà għolja, ħafna koppji, speċjalment dawk kbar fl-età, ħarġu mill-Floriana għax qablilhom ibiegħu l-proprjetà. Proprjetà li wara kollox bosta drabi tkun imqassma ħażin, b’kamra f’kull sular.  

Bilanċ

Hemm realtà oħra, dik li s-sidien tal-kera għollew il-kera jew inkella ma ġeddewx il-kuntratt lill-Furjaniżi, dan għamluh biex jieħdu lura l-proprjetajiet tagħhom, uħud minnhom biex ibiegħu lil xi investitur li jrid ibiddel il-blokka ta’ appartamenti f’boutique hotel. Fatt reali; dawn il-lukandi fil-Floriana faqqsu u żvillupaw.  

Teħdunix ħażin, għax il-kummerċ fil-lokal huwa kruċjali, madankollu ntilef il-bilanċ. Biex niftiehem aħjar se nħares lejn  it-triq ewlenija tal-lokal, Triq Sant’Anna, li tinsab bi ftit negozji miftuħa u mitluqa għal riħa. Taħt il-loġoġ insibu madum imkisser, ħajt maħmuġ u minn abjad sar iswed. Taħt il-loġoġ insibu wkoll l-problema tal-ħamiem fl-irkejjen ta’ kull loġġa. Hawn nistaqsi x’manutenzjoni qed issir? Jekk qed issir, hija biżejjed? Ir-riżultat jitkellem waħdu – le.

Tajjeb li wkoll intenni u nfaħħar l-investiment li wettqu diversi negozji u investituri fil-Floriana, sa ċertu punt allaħares ma kienux huma, madankollu fl-istess nifs nappella fuq il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ.

X’inhu jsir biex din il-problema tingħeleb?

Nemmen li għandna nelliminaw il-kuluri partiġġjani, u nirrealizzaw din il-problema li hawn fil-Floriana. Nazzarda ngħid li biex tingħeleb din il-problema mhu qed isir xejn. Il-karba tagħna ilha tippersisti. Din il-karba kienet waħda mill-ewwel materji li ressaqt biex tkun diskussa meta ġejt elett fil-Kunsill Lokali tal-Floriana fl-2015. Il-Furjaniżi ninsabu mwarrba, ilna ninsabu mwarrba, u għalhekk hemm il-ħtieġa li dwar din it-tema niġbdu lkoll ħabel wieħed.

Nemmen li jrid hemm diskussjoni matura, tissokta fuq dak li diġà sar. Hemm il-ħtieġa li nibqgħu nippersistu biex din il-problema tkun diskussa ma’ dawk li tassew għandhom is-saħħa li jbiddlu l-futur tal-lokal.

Din il-problema ma tinħasx biss fil-Floriana, tinħass fid-distrett kollu u kif ukoll fil-Kottonera

Fl-aħħar snin kontra qalbi ngħid li kien hemm tentattivi li din il-problema tkun diskussa quddiem awtoritajiet akbar minn dawk tal-lokal, dan iżda ma wassal għal imkien. Wassal biss biex ikun hemm artikli fuq il-midja li l-Floriana qed tingħata l-għajnuna, u fir-realtà, f’dan l-aspett, l-ebda għajnuna ma ngħatat. Sadanittant, il-Floriana għadha fuq il-magni tal-mewt, tistenna.

L-ideat u l-proposti tagħna qed jitwarrbu

Nemmen li rridu nibdew b’dak li nistgħu nagħmlu llum. Il-Floriana rridu nagħmluha lokalità li fiha tista’ tgħix, partikolarment għall-anzjani li għadhom residenti fil-lokal. Irridu nemmnu fl-anzjani tagħna u nieħdu ħsiebhom. Hemm ħafna metodi biex dan isir; waħda minnhom hija biex il-binjiet tal-Gvern li jinsabu fil-Floriana, dawk li mhux jintużaw, jingħataw lura lill-Furjaniżi.

Il-PN fl-2015 kien preżenta proposta li binja governattiva taqleb il-funzjoni għal day care centre, u dar tal-anzjani ġdida. Għal din il-proposta qlajna ħafna “prosit”, iżda fuq l-ixkaffa baqgħet. Sa anki meta preżentajniha bħala mozzjoni fil-Kunsill, ġiet rifjutata u mfarrka.

Fl-2019 għal elezzjoni tal-Kunsill tkellimna fuq inċentivi li għandhom jingħataw iż-żgħażagħ li jkollhom ir-rieda li jgħixu fil-Floriana. Kontra qalbi ngħid li ħafna qablu magħna, inkluż persuni ta’ awtorità. S’issa proposti bħal dawn baqgħu fuq l-ixkaffa, u  sfortunatament naħseb inħbew.

Fost l-oħrajn proposta oħra tibqa’ li ż-żgħażagħ li jridu jixtru post fil-Floriana, jingħataw aktar  inċentivi minn kieku se jixtru f’xi lokalità oħra. Il-Floriana trid issir aktar attirabbli, dan ifisser li nżommu l-identità tagħna, nieħdu ħsieb dawk li għamluna u ħadu ħsiebna tul is-snin, iżda wkoll nilqgħu fostna familji ġodda li jsaħħu l-identità tagħna u joħolqu komunità aktar żagħżugħa.

X’saħħa għandhom il-Kunsilli Lokali?

Punt sagrosant huwa wkoll x’saħħa qed jingħataw il-politiċi tal-lokal biex iġibu d-differenza meħtieġa? Il-Kunsilli Lokali qed ikollhom lok li jagħtu l-ideat tagħhom biex iħarsu l-lokal tagħhom? U jekk il-lok qed jingħata, kemm fir-realtà dawn l-ideat qed ikunu kkunsidrati? B’fondi limitati, il-Kunsilli ma jistgħux jaħdmu.

Il-Kunsilliera qed ikollna ideat, u ħafna drabi apparti f’materji drastiċi u jiddispjaċini ngħid bħal punt li semmejt hawn fuq, minħabba l-partiġġjaniżmu, kważi dejjem naqblu fuq il-proposti li jkun hemm fuq il-mejda. Madankollu akkost il-qbil bejn il-Kunsilliera kollha xorta waħda wara nsibu ħajt ta’ sur mill-awtoritajiet biex niplimentaw dak li hu meħtieġ għal-lokal. Fost l-oħrajn mill-ħafna proposti li l-Furjaniżi taw, hemm din, pjan ta’ riġenerazzjoni denju għall-Floriana tagħna. Hawn iżda nistaqsi, kemm se ndumu “nitkarbu” biex il-Kunsilli jingħataw l-għodda biex niplimentaw dak li hu neċessarju? Kemm se ntennu l-ideat tagħna u jibqgħu jaqgħu f’widnejn torox?

Akkost dan kollu, akkost il-ħajt ta’ sur li nsib quddiemi, quddiemna, se nibqa’ nagħmel ħilti biex leħen il-Floriana jibqa’ hemm, il-vuċi tal-Furjaniżi se tibqa’ rappreżentata.

Comments

Popular Posts