Malta vittma tat-tniġġis



 
Artiklu li deher fuq in-Nazzjon tas-26 ta' Frar 2020

Il-Gvern Malti falla milli jilħaq il-miri li kienu meħtieġa u joffri pjan ta' tnaqqis fit-tniġġis fl-arja. Il-Gvern ma tax rendikont ta' kif se jnaqqas l-emissjonijiet għat-12-il xahar li ġejjin, xi ħaġa li kien mitlub li jagħmel minn Brussel.

Jekk il-Gvern Malti jfalli milli jilħaq jagħti pjan ta' programm ta' kontroll lill-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern Malti se jkun qed jaffaċċja proċeduri serji għal dan in-nuqqas.

Dan huwa kif il-Gvern preżenti mhux qed jagħti prijorità lis-saħħa tagħna u kif mhux qed iħares il-futur tagħna ż-żgħażagħ. Mhux biss tagħna, iżda ta’ uliedna u ulied uliedna.

Is-sitwazzjoni hija waħda kritika ħafna, hekk kif l-enfasi fuq dan kollu m'għandhiex issir biss fuq in-negliġenza u n-nuqqas ta' interess mill-Gvern Malti, iżda wkoll li s-sitwazzjoni f'pajjiżna hija li t-tniġġis fl-arja ta' kull sena qed joqtolna. L-imwiet ta' Maltin b'kawża ta' dan huwa stmat li jleħħaq is-600 persuna fis-sena.

Nistħajjel, u hekk hu, li t-tniġġis fl-arja huwa bħalissa qattiel kwiet, li mbagħad jikxef lilu nnifsu bħala kankru, jew bħala marda fil-qalb, jew bħala marda respiratorja.

It-tniġġis fl-arja qiegħed jhedded is-saħħa Maltija mill-bidu tal-ħajja sal-aħħar. Jilħaq il-pulmun tat-trabi fil-ġuf u b’hekk jibdew il-problemi minn età żgħira. Dan qed joħloq kriżijiet ta’ saħħa għal dawk li huma vulnerabbli, kemm ta’ età medja u kif ukoll fl-anzjani. It-triq għall-ażma, mard tal-qalb, puplesiji, problemi tan-nifs u kanċer tal-pulmun tista’ tgħid li l-punt tat-tluq jibda mit-tniġġis fl-arja. Nixtieq nidħol fid-dettall fuq kif trab żgħir li jkun mormi mill-emissjonijiet tal-vetturi u l-vapuri fost l-oħrajn jidħol fis-sistema tad-demm tal-bniedem u ‘l quddiem jaf iwassal għall-puplesija, però nemmen li wieħed faċli jista’ jfittex u jara l-konsegwenzi ta’ dan kollu.

Din il-problema ma bdietx mil-lum, ilha ġejja għal numru ta’ snin. Infatti seba' snin ilu l-Partit Laburista kien wiegħed fil-manifest tiegħu li se jagħti prijorità t-tniġġis fl-arja, u li jsolvi din il-problema tant kritika. Dwar dan iżda, l-atteġjament li qed naraw anki fil-mod li anki pjan fuq is-suġġett qabeż id-deadline, huwa messaġġ ċar li l-prijoritajiet tal-Gvern jinsabu band'oħra.

Iva huwa tajjeb li fl-aħħar jiem tħabbar pjan ta’ kif se jitnaqqsu l-emmisjonijiet fil-Port il-Kbir mill-vapuri, xi ħaġa li fl-opinjoni tiegħi kellha ssir snin ilu, iżda fuq emissjonijiet oħra, x’miżuri ttieħdu? Għandna toroq fost ir-residenti mniġġsa minħabba l-ammont kbir ta’ emissjonijiet, Triq Sant’Anna fil-Floriana hija l-aktar waħda mniġġsa f’Malta, isegwu Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun, Vjal Diċembru 13 fil-Marsa, Triq Reġjonali u l-mini f’Santa Venera. Dawn huma biss eżempji, ftit minn ħafna.

Rapporti Ewropej ikkonfermaw ukoll li r-residenti fin-naħa t’isfel ta’ Malta għandhom arja li hija 20 darba agħar mil-livelli aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem. Aħbarjiet bħal dawn huma inkwetanti ħafna.

Il-Gvern Malti minflok għażel li jgħin lit-tarka tagħna għal dawn l-emissjonijiet,  flok tana aktar siġar, għamel litteralment l-oppost, qered siġar maturi, biex ħoloq aktar tniġġis. Ilkoll nafu anki minn eżempji li seħħew barra minn Malta li t-twessiegħ tat-toroq mhux se jwassal għal xejn għajr li joħloq aktar problemi fil-futur. It-twessiegħ tat-toroq infatti se jwassal għal aktar u aktar karozzi, li jekk l-ammont ikompli jiżdied ifisser li jkollna staġnar ieħor f’temp ta’ ftit snin. Il-ħsieb matur wara dan kollu huwa li aħna bħala poplu ma rridux insolvu l-problema għal ftit snin, iżda rridu nsolvu l-problema għal dejjem.

Nemmen li għandu jkun hemm aktar żoni pedonali, rotot aħjar u vijabbli għat-trasport pubbliku, aktar multi ħorox li vera jingħataw għal min jarmi l-emissjonjiet u aktar żoni bla karozza fl-irħula tagħna. Iridu jittieħdu passi drastiċi biex intejbu l-ivjaġġar tal-massa, u jrid isir investiment f’dak kollu li hu pubbliku. B’hekk nistgħu nibdew insolvu din il-problema, billi nkunu kuraġġużi, nammettu li hawn problema, niddiskutu b’serjetà mal-esperti u mal-pubbliku, u fost l-oħrajn inħarsu lejn l-SDGs (Sustainable Developments Goals) li kienu ġew maħluqa fl-2015 mill-Ġnus Magħquda bħala pjan għal futur sostenibbli. Irridu npoġġu din il-problema fl-aġenda ewlenija tal-pajjiż.    

Comments

Popular Posts