Nuqqas ta’ rikonoxximent lejn il-lingwa Maltija

◾️Kull ma ġie mħabbar f’dan il-baġit, huwa li se jsir “ċekjatur” għal-lingwa Maltija.
◾️Il-proposti l-oħra mill-għaqdiet ġew injorati.
◾️Aħna rridu mhux biss naraw kif tinkiteb il-kelma, iżda rridu li nkunu nafu kif tinkiteb il-kelma Maltija, ħalli ma niżbaljawx. 🇲🇹
Artiklu li deher fuq in-Nazzjon tal-Ħamis 7 ta’ Novembru 2019
Nibqgħu ma nħarsux il-lingwa Maltija
Qabel il-baġit 2020 rajna numru ta’ għaqdiet li jaħdmu għal-lingwa Maltija u anki għal-letteratura u l-kittieba Maltin li ħarġu bi proposti mill-aqwa biex il-kitba Maltija tkompli tissaħħaħ u titjieb. Madankollu fil-baġit 2020 ma rajna l-ebda implimentazzjoni ta’ dawn il-proposti, jew tal-anqas ma rajna l-ebda implimentazzjoni diretta li tagħti prijorità denja. Fi ftit kliem, il-Gvern ma tahomx widen.
Fost l-oħrajn qed nirreferi għall-ħames proposti li ppubblikat il-Fondazzjoni HELA, li kienu dawn;
· Li jinħarġu inċentivi biex jinfetħu ħwienet tal-kotba
· Biex jingħata stipendju lill-kittieba
· Li jidħlu fis-seħħ inċentivi fiskali fuq il-produzzjoni tal-kotba letterarji
· Li jiżdiedu l-inċentivi marbuta ma’ ġurnaliżmu kulturali
· Li jkun hemm it-tisħiħ tal-apprezzament tal-ktieb u l-libreriji bħala prodott kulturali
Dawn il-proposti ġew imfaħħra minn numru ta’ għaqdiet inkluż l-Għaqda tal-Malti, li l-ħidma tagħhom fil-promozzjoni tal-lingwa Maltija ma tieqaf qatt tissokta.
Kull ma ġie mħabbar f’dan il-baġit, huwa li se jsir “ċekjatur” għal-lingwa Maltija, li kien deskritt mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo li “mhu xejn għajr il-verżjoni Maltija ta’ ‘spell checker”. Xi ħaġa li fir-realtà diġà teżżiżti, b’siti anki tal-Akkademja tal-Malti u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti għandhom forums u siti li diġà jwieġbu d-dubju li jista’ jkollok għall-grammatika u l-ortagrafija Maltija. Iżda għall-Gvern qisha din se tinħoloq minnu, u b’ħafna pompi ħabbar li se tgħin biex il-Malti jinkiteb sew... qal ħafna u fir-realtà ma qal xejn.
Irridu mhux biss naraw kif tinkiteb il-kelma, iżda rridu li nkunu nafu kif tinkiteb il-kelma Maltija, ħalli ma niżbaljawx.
Huwa tajjeb li tiċċekja u tara jekk żbaljajtx, iżda l-Gvern jista’ jgħin lill-għalliema tal-Malti, lill-entitajiet tal-Malti biex ikollhom għodda biex it-tgħallim tal-Malti jissaħħaħ tassew. Aħna dan li rridu. Irridu li l-istudent, aħna, inkunu nafu l-forom tal-kitba fuq il-ponot ta’ subgħajna. Li jkollna risorżi li mhux biss naraw kif tinkiteb u daqshekk, iżda rridu li nkunu nafu kif tinkiteb il-kelma Maltija, ħalli ma niżbaljawx. Ħalli wara kollox il-Malti nkunu qed nieħdu ħsiebu kif għandu jkun.
Inċentivi għall-għalliema tal-Malti
L-irwol tal-għalliema llum sar diffiċli ferm, impjieg li huwa vokazzjoni mill-bidu tal-aħħar u li jirrikjedi ħafna xogħol u sagrifiċċju. L-għalliema tal-Malti xejn anqas għas-sempliċi fatt li r-riċerka li titwettaq mhux dejjem tista’ ssibha fuq l-internet bl-aktar mod faċli, iżda jkollok tagħrbel aktar, timraħ u toħloq l-aqwa materjal edukattiv biex tgħallem lill-istudenti tiegħek.
Dwar dan, l-għalliema tal-Malti qed jingħataw inċentivi t’għajnuna? Qed jiġu mħarsa kif suppost l-għalliema, li jkollhom l-għodda meħtieġa, u mhux biss, iżda li jkollhom serħan tal-moħħ. Dan żgur mhux jinstab, għax l-għalliema qed ikollhom pressjoni kontinwa, ftit ħin għalihom infushom, li jippermeti l-ħsieb u l-kreattività. Akkost dan kollu l-għalliema tagħna qed jibqgħu jagħtu l-aqwa tgħallim, akkost in-nuqqasijiet fil-paga, u nuqqasijiet kbar ta’ ħin.
Ilsien ta’ komunikazzjoni
Kultant nistħajjel li l-entitajiet jibżgħu jużaw ilsienna bħala l-ilsien ta’ komunikazzjoni. Illum il-ġurnata qed naraw importazzjoni ta’ numru ta’ ħaddiema barranin, li sfortunatament Malti ma jafux. Mhux se nidħol fl-ambitu tal-impatt ekonomiku li jħallu, għax l-għan tal-artiklu huwa l-Malti, u għalhekk nistaqsi, x’qiegħed isir biex dawn ikunu jafu l-Malti? Li qed isir huwa biżejjed? Le.
Il-Maltin spiċċajna ma nistgħux nitkellmu l-lingwa materna f’ristoranti, lukandi u anki f’numru ta’ ħwienet għas-sempliċi fatt li mhux qed isir kważi xejn biex ħaddiema barranin ikollhom għarfien tal-lingwa Maltija.
Ftit passi ‘l bogħod minna... għaliex l-Italja, il-barrani jaf it-Taljan, għaliex l-istess jiġri fi Franza u f’pajjiżi oħra? Aħna biss m’għandniex ir-rieda li ngħallmu ilsienna lill-barrani? Aħna biss nibqgħu ma nagħmlu xejn?
.. u xi ngħidu għat-tabelli bil-Malti
Xi ħaġa tal-għaġeb, għall-Gvern u l-entitajiet qisu jkunu qed iwettqu dnub jekk jagħmlu tabella bil-Malti ta’ xi istituzzjoni jew entità governattiva. Dan narawh ukoll ma’ monumenti u l-wirt storiku tagħna... f’Malta, iżda l-Malti jibqa’ fil-baħħ. Fuq Facebook hemm paġna bl-isem ta’ Il-Malti Madwarna li qed isiru appelli lill-Gvern u oħrajn biex jinkitbu tabelli ta’ informazzjoni mhux bl-Ingliż biss iżda tingħata prijorità bil-Malti, Malti tajjeb u korrett.
Għalissa se nieqaf hawn għax inkella nibqa’ għaddej. Nappella lill-Gvern biex jieħu lill-Malti bis-serjetà, u jieqaf jitmellaħ b’ilsien art twelidu. Nappella minn qalbi lill-Gvern biex jikkonsulta mal-akkademiċi tal-lingwa u jieħu passi ġenwini u denji li se jħarsu lill-Malti.

Comments

Popular Posts