Żarmar tal-Kunsilli?


Artiklu li deher fuq in-Nazzjon l-Erbgħa 23 ta' Ottubru 


Jitnaqqsu l-fondi għall-Kunsill Lokali

Mistoqsija li mhux biss qed inwettaqha kontinwament jien, iżda qed jagħmluha u jnissluha numru ta’ residenti madwar Malta u Għawdex. Ta’ spiss qed ikollna nuqqasijet fil-lokalitajiet rispettivi tagħna fejn il-Kunsill mhux ikun infurmat dwarhom. Xogħlijiet li jkunu bdew minn entitajiet governattivi oħra u jdumu biex jitkomplew żmien u għomor. Wara li jsir ix-xogħol, nazzarda nuża l-istess espressjoni  u s-sinjali, l-materjal, inġenji u vetturi, idumu żmien u għomor biex jitneħħew, b’inkonvenjent kontinwu fuq ir-residenti u n-nies li jagħmlu użu mit-toroq, ġonna eċċ.

Fil-Floriana dan qiegħed jinħass, fejn anki meta jsir kunċert, il-Kunsill mhux ikollu informazzjoni, bl-informazzjoni b’hekk ma tasalx għand ir-resident, u sfortunatament ir-resident jibqa’ jdur u jgħaqqad fin-nofs minħabba deċiżjonijiet inċerti mill-organizzaturi.  Tajjeb li ngħidu li bosta drabi tistenna aħjar għax ikunu entitajiet tal-Gvern li jorganizzawhom, għax ta’ spiss dak privat ifittex li jħares aktar u aktar lir-residenti.

Dan ir-residenti qed jgħixuh fil-prattika, speċjalment fil-Floriana, iżda l-istess qed jiġri f’numru ta’ lokalitajiet oħra fejn is-sinjali tad-diversions jew ma jsirux u jibda x-xogħol, jew wara li jitlesta’ x-xogħol jibqgħu hemm. L-istess għat-tabelli tar-road markings, tan-no entry u oħrajn. Dan biex ma nsemmux ukoll fuq kif titlesta’ triq, u l-isleeping policeman ma tiġi qatt, jew bl-ispralli jibqgħu misduda. 

Ħtieġa ta’ aktar konsultazzjoni.

Hawn nistaqsi, għaliex il-Kunsilli mhux ikunu kkonsultati? Għaliex aħna li l-aktar li nwettqu politika viċin ir-resident mhux inkunu infurmati b’xejn? Għaliex dan kollu? Possibli li qabel jitwettaq proġett, kemm minuri, u kif ukoll maġġuri, ma ssir l-ebda konsultazzjoni mal-membri li jirrapreżentaw il-lokal rispettiv?

Il-Kunsilli għandhom jingħataw aktar risorżi

Kultant nitħasseb u ngħid li sa ċertu punt il-Kunsilli qed jitħallew b’anqas risorżi għal dawn ir-raġunijiet, biex forsi ma nkunux qed naqdu l-funzjoni li l-PN kellu l-viżjoni li jaqdu l-Kunsilli meta ġew maħluqa kważi 25 sena ilu.

Fil-baġit 2020, fl-estimi finanzjarji jidher ċar li l-fondi għall-Kunsilli Lokali tnaqqsu, minn kważi 39 miljun ewro għal kważi 36 miljun ewro. Fi kliem ieħor il-Gvern stess qed jindika tnaqqis fl-estimi finanzjarji. Għaliex il-Kunsilli qed jitħallew bla risorżi? Mhux jingħataw l-attenzjoni meħtieġa u mixtieqa?

Il-Kunsilli fir-realtà ma nistgħux naħdmu kif suppost, ma nistgħux inservu kif għandu jkun lir-residenti tagħna. F’ċirkustanzi bħal dawn jiddispjaċini ngħid li f’waqtiet il-Kunsilli saru qishom biss bħal pressure groups, bi ftit saħħa, fejn meta ngħaddu l-messaġġ tal-lokal, lanqas qed niġu stmati. Dan mhux il-mod li nixtieq li nara l-Kunsilli Lokali tagħna, il-Kunsilli Lokali tagħna għandhom ikunu l-moħħ ta’ implimentazzjoni ta’ bosta, fosthom ta’ proġetti lokali, il-moħħ u l-vuċi tal-ħtiġijiet tal-lokal, li jkollu r-risorżi li jwettaq u jservi.

Il-PN dejjem emmen fil-Kunsilli Lokali

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-Kunsilli Lokali u hekk se jibqa’ jagħmel. Dan rajnih hekk kif wettaq 80 proposta li ppreżenta għar-Riforma tal-Kunsilli Lokali.
Ħoloq ukoll ideat ġodda fid-dokument ta’ qabel il-baġit li jolqtu direttament ħajjet il-lokal, ħajjet iċ-ċittadin. Konxju ta’ dak li qed jiġri f’soċjetà Maltija l-PN jibqa’ jemmen fl-importanza tal-Kunsilli Lokali, li jistgħu jaħdmu dejjem aktar qrib ir-residenti fil-lokalitajiet rispettivi.

Baħħ assolut fil-Baġit 2020 dwar il-Kunsilli mill-Gvern Laburista

Intant fil-Budget 2020, li jrid jimplimenta l-Gvern Laburista, ma rajniex ideat għajr ħlief kważi paġna waħda fuq kif se ‘jsaħħaħ’ il-Kunsilli u r-Reġjuni.  Sa anki warrab l-isem ‘Gvern Lokali’, isem li ħoloq huwa stess. Huwa tajjeb li nsaħħu r-Reġjuni wkoll, iżda konxji tal-fatt li lokalitajiet li huma ‘l bogħod minn xulxin b’xiber għandhom ilkoll identità diversa, b’ċertu ħtiġijiet li l-ebda Reġjun mhux se jolqot fuq ras il-għajn, iżda l-Kunsilli rispettivi se jolqtu tassew il-ħtiġijiet lokali. Wara kollox għalhekk dawn iż-żewġ entitajiet għandhom defenizzjoni differenti, dik lokali u dik reġjonali, u t-tnejn għandhom jingħataw ir-risorżi biex jiffunzjonaw kif għandu jkun. 

James Aaron Ellul
Minority Leader – Kunsill Lokali Floriana
jamesaaronellul@gmail.com


Comments

Popular Posts